Barranin
Il-prezzijiet tad-deheb u l-fidda jitbaxxew ftit

Muniti

Id-dollaru baqa’ taħt pressjoni u għal ftit ħin tbaxxa għall-inqas livell f’aktar minn ġimgħa hekk kif aktar restrizzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Uniti u fl-Ewropa laqtu ħażin lill-ottimiżmu dwar it-testijiet tal-vaċċin.

L-Isterlina kienet mgħejjuna minn dollaru aktar dgħajjef u minn tamiet li r-Renju Unit ser jilħaq ftehim għal wara Brexit mal-Unjoni Ewropea sakemm jitlaq mill-unjoni doganali u s-suq uniku f’Jannar.

L-ewro ftit kellu movimenti llum b’telf baxx kontra l-Yen, id-dollaru Kanadiż u l-Isterlina. Kontra muniti oħrajn, il-munita unika jew ma nbidlitx jew kellha żieda minima. Sadattant, il-Bank Ċentrali Ewropew qal li banek li bdew iħaddmu pjani għal wara l-Brexit mhux ser ikunu permessi li jużaw il-pandemija ta’ bħalissa bħala skuża biex idewmu t-trasferiment tal-istaff lejn l-Unjoni Ewropea.

Indiċi

Wara li fetħu baxxi, l-ishma Ewropej telgħu lejn territorju pożittiv bl-iSTOXX 600 juri żieda ta’ 0.3%, u segwa ż-żidiet ta’ matul il-lejl fl-Asja, fejn it-tamiet ta’ stimulu Ċiniż għen lill-aktar indiċi wiesa tar-reġjun javvanza b’0.7%. Is-swieq finanzjarji Ewropej kienu sodi wara li numru ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ kumpaniji għen biex inaqqas it-tħassib dwar miżuri ta’ lockdown ġodda biex tkun miġġielda ż-żieda qawwija fil-każi tal-coronavirus.

L-indiċijiet fl-Istati Uniti fetħu ogħla u segwew ukoll id-direzzjoni tal-indiċijiet Ewropej. L-indiċi ewlieni Ġappuniż Topix tilef kważi 1%. L-indiċi tal-Borża ta’ Malta żdied 0.28%.

In-negozju fl-ishma lokali llum kien bilanċjat iżda dawn f’territorju pożittiv kellhom moviment perċentwali akbar. Il-Go żdiedu 3.45% u l-Malta Properties u l-HSBC it-tnejn avvanzaw madwar 2%. Kien hemm tnaqqis żgħir fil-Bank of Valletta bil-prezz jitbaxxa 0.21%. Il-Mapfre Middle Sea tilfu 0.51% waqt li l-ishma tal-Malta International Airport tilfu kważi 1% tal-prezz.

Is-settur tal-bonds lokali llum kellu jum tajjeb bil-parti l-kbira javvanzaw u bi ftit f’territorju negattiv. Il-bonds ta’ Stivala Group Finance 2027 u ta’ Hili Finance 2028 avvanzaw qrib it-2%. Il-Hili Finance 2029, l-International Hotel Investments, il-Bank of Valletta, il-Bortex u l-REden Finance kollha żdiedu qrib il-1%

Il-prezzijiet taż-żejt issodaw minħabba tamiet li l-OPEC u l-alleati ser jipposponu żieda fil-produzzjoni u wara li l-kumpanija farmaċewtika Pfizer qalet li l-vaċċin tagħha kien effettiv aktar milli kien maħsub qabel. Id-deheb u l-fidda tbaxxew ftit.