Barranin
Il-prezzijiet tad-deheb żammew sod illum bl-approvazzjoni tat-tilqima AstraZeneca

Muniti

Id-dollaru tbaxxa għall-inqas rata f’aktar minn sentejn u ssaħħew il-muniti riskjużi, hekk kif l-investituri ma tawx kas iż-żieda fil-każi tal-Covid-19 u l-aħħar dewmien fil-pakkett ta’ stimulu mill-Istati Uniti biex saħħew it-tama tagħhom għal rkrupru ekonomiku fl-2021.

Id-dollaru tilef madwar 0.3% kontra grupp ta’ muniti. L-ewro tela’ għal $1.22715. Kontra l-Isterlina l-munita unika tilfet 0.30% u 0.59% kontra d-Dollaru Awstraljan. L-ewro tilef ukoll b’0.25% kontra l-Yen Ġappuniż.

Indiċi

L-ishma Ewropej żdiedu dalgħodu hekk kif l-approvazzjoni mir-Renju Unit tal-vaċċin tal-AstraZeneca, it-tamiet ta’ għajnuna fiskali mill-Istati Uniti u ħidma kbira ta’ tilqim kabbru t-tamiet ta’ rkupru tajjeb fl-ekonomija mondjali s-sena d-dieħla. Madankollu, il-parti l-kbira tal-indiċijiet fl-Ewropa tbaxxew u spiċċaw fin-negattiv.

Il-prezzijiet bil-quddiem tal-ishma fl-Istati Uniti żdiedu għax l-investituri ffukaw fuq il-prospetti ta’ rkupru ekonomiku matul is-sena id-dieħla xprunat mill-vaċċin u aktar appoġġ monetarju u fiskali.

Ishma

Il-Borża ta’ Malta llum kienet ġeneralment pożittiva bil-Loqus Holdings biss jirreġistraw telf ta’ 1%. Il-Malta International Airport żdiedu 1.64%, il-Medserv avvanzaw bi 2.60%, Lombard Bank Malta żdiedu b’5.36% waqt li l-Main Street Complex kienu fuq quddiem nett b’żieda ta’ 11.11%.

Fil-bonds lokali, it-Tumas Investments 2024 tilfu 1.44% segwiti mill-Merkanti Holding 2026 bi tnaqqis ta’ 0.98%. Il-Mediterranean Investments Holding 2022 żdiedu 0.51%, l-Eden Finance 2027 wrew żieda ta’ 0.75%, Shoreline 2026 għalqu pożittivament b’1%, Together Gaming Solutions 2024-2026 avvanzaw 1.53% u l-Mediterranean Investments Holding 2021 denominati fl-ewro avvanzaw b’4.21%.

Il-prezz taż-żejt illum żdied minħabba dollar aktar dgħajjef, tnaqqis fil-ħażniet taż-żejt mhux raffinat tal-Istati Uniti u hekk kif ir-Renju Unit approva vaċċin ieħor kontra l-coronavirus, iżda xorta waħda l-prezzijiet taż-żewġ tipi ta’ żejt resqin lejn telf ta’ 20% għal din is-sena.

Il-prezzijiet tad-deheb żammew sod illum għax l-approvazzjoni tal-vaċċin il-ġdid kabbar is-sentiment għar-riskju u dollaru aktar dgħajjef illimitaw it-telf fil-prezz.