Barranin
Il-prezzijiet taż-żejt ikomplu jogħlew

Muniti

L-ewro jinsab qrib l-ogħla livell riċenti ta’ $1.1927. Ir-riskju huwa favur ż-żieda għalkemm il-potenzjal huwa limitat għal terminu qasir minħabba t-tħassib dwar il-covid u t-tilqim fl-Ewropa.

L-isterlina qed tkun negozjata għal $1.3750 u qed tibbenefika mid-dgħufija tal-munita Amerikana u hekk kif ir-Renju Unit se jerġa’ jiftaħ ħwienet mhux essenzjali u negozji oħrajn. Il-kampanja ta’ tilqim qed tidher suċċess u l-każi nżammew l-isfel.

Fl-assenza ta’ fatturi fundamentali sinifikanti, it-tnaqqis tal-ewro kontra l-isterlina kmieni wara nofsinhar fis-sessjoni Ewropea aktar tidher li hija korrezzjoni teknika milli telf taż-żidiet tal-ġimgħa li għaddiet.

Tirrifletti dan is-sentiment l-aħħar data turi li x-xiri bil-quddiem tal-Isterlina mill-ispekulaturi jinsab fl-inqas livewll f’disa’ ġimgħat.

Indiċi

Indiċi tal-ishma ewlenin fl-Istati Uniti fetħu b’telf żgħir wara l-irkupru impressjonanti tal-ġimgħa li għaddiet hekk kif l-investituri jidher li se jieħdu pawsa waqt li jistennew il-bidu tal-istaġun tar-rapportar finanzjarju mill-kumpaniji aktar tard din il-ġimgħa.

Il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar illum li xtara €20.165 BIljun netti ta’ assi l-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-programm ta’ llaxkar kwantitattiv imqabblin mas-€6.178 ġimgħa qabel.

Ishma

Kien jum pożittiv għall-ishma lokali u ebda sehem ma kien negozjat bi tnaqqis. L-akbar żidiet kienu fil-Lifestar, Medserv, Simonds Farsons Cisk u Trident Estates, żidiet li jvarjaw bejn 10.50% għall-Lifestar għal aktar minn 6.50% għat-Trident. Il-Malita investments u l-GO żdiedu modestament madwar nofs punt perċentwali.

Bonds

Anke l-bonds lokali kellhom jum pożittiv. L- SD Finance kienu fuq quddiem b’żieda ta’ 1.29% segwiti b’nofs punt perċentwali jew il-madwar kien hemm il-Mediterranean Invesment Holdings, il-Phoenicia, il-Merkanti, il-Mercury Projects u Izola Bank. It-tnaqqis kien limitat b’telf ta’0.2% fi Smartcare Finance.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt qed ikomplu jogħlew ghax ix-xerrejja jemmnu li t-tħassib dwar il-provvista se jintlaqgħu minn domanda li qed tiżdied. Hemm ottimiżmu dwar l-ekonomija globali u kif huwa mistenni rkupru fit-tkabbir ekonomiku.

Huwa essenzjali li x-xerrejja jibqgħu jagħtu każ li hemm diversi rigs tal-Istati Uniti li qed jibdew il-produzzjoni u kif huma jistgħu jħarbtu s-siwazzjoni tal-provvista. Dan intwera diversi drabi meta l-OPEC tipprova żżid l-produzzjoni sistematikament u l-produtturi Amerikan jieħdu vantaġġ ta’ prezzijiet ogħla u jibdew iħaddmu aktar bjar taż-żejt.

Id-deheb għalaq il-ġimgħa li għaddiet f’territorju pożittiv iżda jidher li llum kkonsolida ruħu u tbaxxa wara li ma kienx hemm motivazzjoni biex jiżdied. Il-prezz baqa virtwalment bla żieda f’$1,743.

Din hija ġabra ta’ aħbarijiet finanzjarji miġbura minn BNF Bank.