Barranin
Il-prezzijiet taż-żejt illum laħqu l-ogħla livell fi 11-il xahar

Muniti

Id-dollaru żamm l-akbar żieda f’aktar minn xahrejn kontra l-muniti ewlenin, hekk kif żieda fid-dħul mill-bonds Amerikani naqqsu s-sentiment kuntrarju kontra l-munita.

Id-dollaru żdied mill-inqas livell fi kważi tliet snin, bl-investituri jieħdu l-profitti kontra l-ewro, b’mod partikolari, wara tnaqqis fl-indiċi tad-dollaru ta’ kważi 7% fl-2020 u sa 0.9% din is-sena fost aspettattivi ta’ stimulu fiskali fl-Istati Uniti.

L-ishma Ewropej żdiedu llum, bid-DAX tal-Ġermanja jilħaq livell għoli rekord wara statistika ekonomika aħjar milli kien mistenni u aġġornamenti ta’ dħul inkoraġġanti mill-kumpaniji taċ-chips elettroniċi.

Il-qagħda finanzjarja f’reġjuni Ażjatiċi

Ser nitfgħu l-attenzjoni dwar żona ġeografika li ma tantx niffukaw fuqha, għax minħabba d-differenza fil-ħin is-swieq finanzjarji jagħlqu meta jitħejja dan ir-rapport. Iżda ta’ min jagħti attenzjoni lix-xejra preżenti f’dawn is-swieq.

Il-parti l-kbira tal-ishma Asjatiċi kienu resqin lejn l-akbar żieda f’ġimgħa f’bosta xhur, waqt li r-rupiah tal-Indoneżja u l-munita Sud Korean, il-won, kienet fuq quddiem tat-telf fost il-muniti għax dħul akbar mill-bondas Amerikani saħħew lid-dollaru.

Kważi kull suq finanzjarju fir-reġjun żdied madwar 2%, bil-Filippini, it-Tajlandja u l-Indoneżja kollha jilħqu livelli għola għal bosta xhur hekk kif l-ishma globali ibbenefikaw mill-ewforija tal-potenzjalità ta’ stimulu akbar fiskali fl-Istati Uniti.

Il-Borża ewlenija ta’ Singapore, li kienet l-agħar li marret fost is-swieq emerġenti s-sena li għaddiet, żdiedet hekk kif kumpaniji finanzjarji segwew lil sħabhom fl-Istati Uniti. L-Istraits Times Index żdied b’aktar minn 5% din il-ġimgħa, l-ogħla min-nofs Novembru. L-ishma f’ Seoul avvanzaw 4%, għax l-ishma tal-Hyundai żdiedu b’20% wara li ħadu spint minn ftehim possibli dwar il-vetturi elettriċi bejn il-Hyundai u l-Apple. Il-Korea Composite Price Index, il-KOSPI, żdied b’0.7% fin il-ġimgħa, l-aħjar mill-2008.

L-Iswiss National Bank b’żieda fil-valutazzjoni mid-deheb

L-Iswiss National Bank qal li jistenna profit annwali ta’ 21 biljun frank Żvizzeru ($23 biljun dollaru) għal 2020. Dan minħabba li l-prezzijiet tal-ishma kabbru l-valur tal-investimenti kbar fil-kambju barrani u b’hekk żammew baxxa ż-żieda fil-munita. L-Iswiss National Bank għamel profitt ta 13-il biljun frank mix-xiri ta’ kambju barranin, u ra żieda fil-valutazzjoni ta’ 7 biljuni mill-1,040 tunnellata ta’ deheb li għandu.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt illum laħqu l-ogħla livell fi 11-il xahar u kienu resqin lejn żieda tajba għal din il-ġimgħa, hekk kif avvanz fl-ishma globali kabbar is-sentiment ta’ riskju wara l-wegħda tal-Arabja Sawdija li tnaqqas il-produzzjoni.

Il-Brent żdied 39 ċenteżmu, jew 0.7% għal $54.77 sa dalgħodu, wara li kien laħaq l-$54.92,l-ogħla mill-26 ta Frar. Il-West Texas Intermediate żdied 33 ċenteżmu, jew 0.7% għal $51.16. Il-prezz kien laħaq il-$51.34 kmieni fis-sessjoni, ukoll l-ogħla mill-25 ta’ Frar li għadda. Iż-żewġ prezzijiet mistennija jiżdiedu b’5% din il-ġimgħa.

L-aħbarijiet finanzjarji ta’ kull nhar ta Ġimgħa huma miġbura minn BNF Bank