BarraninLokali

Il-prezzijiet taż-żejt jaqgħu għall-inqas livell f’seba’ xhur

Muniti kontra l-ewro

Id-Dollaru Amerikan laħaq l-ogħla rata fi tliet ġimgħat illum, mgħejjun minn kummenti mill-Federal Reserve li kabbru l-istennija li se jkompli jżid ir-rati tal-interessi. L-isterlina tilfet kważi ċenteżmu kontra d-dollaru wara li l-Gvernatur tal-Bank of England, Mark Carney, qal li mhuwiex iż-żmien li jogħlew ir-rati tal-interessi fir-Renju Unit. Il-ġimgħa li għaddiet tliet membri tal-Bord tal-Bank ivvotaw favur żieda.

Indiċi

Fil-ftuħ ta-negozju, l-istokks Amerikani wrew żieda u d-Dow Jones fetaħ 0.47% ogħla. L-indiċi ewlenin kienu f’territorju pożittiv. Il-FTSE 100 kellu żieda 0.70%; l-iSTOXX 50 1.12% u d-DAX kellu żieda ta’ 1.06%.

Ishma lokali

L-RS2 Software kien fuq quddiem nett illum b’żieda ta’ 1.31%. L-oħrajn segwew bil-Malita Investments u l-Mapfre Middlesea juru żieda ta’ 0.68% u 0.51% rispettivament. Il-Malta Properties Company tilfu 1.73% għal 0.511 ewro.

Bonds

Ftit kien hemm movimenti fis-suq tal-bonds lokali. L-SD Finance 2027 u Simonds Farsons Cisk 2017, it-tnejn żdiedu b’0.10%. Il-bonds l-oħrajn kienu f’territorju negattiv.

Indikaturi ekonomiċi

Il-kont kurrenti tal-UE ċkien għal 22 biljun ewro mill-ammont preċedenti ta’ 35.7 biljun ewro.

Il-bilanċ tal-kont kurrenti tal-Istati Uniti naqas inqas milli kien mistenni x-xahar li għadda. F’rapport, il-Bureau of Economic Analysis qal li l-bilanċ tbaxxa għal 116.8 biljun dollaru taħt iż-żero minn 114-il biljun dollaru taħt iż-żero fix-xahar ta’ qabel li ċ-ċifra tiegħu kienet riveduta ‘l isfel minn 112.4 biljuni taħt iż-żero.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt waqgħu għall-inqas livell f’seba’ xhur illum wara l-aħbar li kien hemm żidiet fil-provvista minn bosta produtturi ewlenin, xejra li mminat l-isforzi tal-OPEC u oħrajn biex isostnu s-suq permezz ta’ tnaqqis fil-produzzjoni.

Il-prezzijiet tad-deheb irkupraw ftit illum wara li lbieraħ għalqu fl-inqas livell f’ħames ġimgħat. Madankollu matul il-ġurnata l-prezz tad-deheb xorta tbaxxa b’0.13%.

Share this Story[social_share/]