Il-prezzijiet taż-żejt mistennija jibqgħu aktar baxxi anke meta tgħaddi l-pandemija u tirkupra l-ekonomija

Ir-rata tal-ewro kontra l-Yen Ġappuniż waqfet xejra negattiva ta’ sebat ijiem wara li waqgħet mil-livelli għolja ta din is-sena ta’ nofs 127 yen kmieni dan ix-xahar. Il-korrezzjoni tal-lum fir-rata tad-dollaru tat ftit tan-nifs sa issa lill-munita unika u għenet biex ir-rata tal-ewro tħalli l-inqas rata tal-bierah għal 2021 ta’ ftit aktar minn 125 yen.

Aktar kmieni llum l-Istħarriġ mill-Istitut Ġermaniż ZEW, wera li s-sentiment ekonomiku kemm fil-Ġermanja kif ukoll fiż-żona ewro tjieb għal 61.8 u 58.3 rispettivament, għal dan ix-xahar. Aktar tard din il-ġimgħa l-attenzjoni ddur lejn il-laqgħat dwar il-politika monetarja mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank of Japan.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin ta’ Wall Street żdiedu wara riżultati tajbin ta’ bejgħ mill-banek il-kbar fl-Istati Uniti u mill-kumpanija fis-settur tal-provvisti tal-enerġija Halliburton, waqt li l-investituri qed jistennew id-diskors minn dik nominata bħala s-Segretarju tat-Teżor il-ġdid Amerikan Janet Yellen li mistennija tipproponi infieq fiskali kbir.

Żdiedu wkoll l-ishma Ewropej, hekk kif il-possibiltà ta’ estensjoni fil-lockdowns Ġermaniżi tefgħet lill-investituri f’setturi difensivi bħall-kura tas-saħħa u t-telekomunikazzjoni. Iż-żidiet fil-ftuħ kienu xprunati mill-ishma Asjatiċi li għalqu f’livell għoli rekord għax l-investituri għandhom tama kbira li s-saħħa ekonomika Ċiniża ser tgħin il-qawmien ekonomiku fir-reġjun wara data kkonfermat li t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja kienet waħda mill-ftit li espandiet matull-2020. Madankollu, il-prospetti ta’ lockdowns itwal fl-Ewropa żammet anzjużi lill-investituri bil-Kanċellier Ġermaniża Angela Merkel mistennija tiftiehem mal-mexxejja reġjonali biex testendi l-lockdown għal parti l-kbira tal-ħwienet u l-iskejjel sa nofs Frar.

Ishma

L-ishma lokali llum kienu bbilanċjati b’telf negliġibli li wasal għal tnaqqis ta’ 0.01% fl-indiċi tal-Borża ta’ Malta.  Il-Harvest Technology u Simonds Farsons Cisk żdiedu ftit inqas minn tliet kwarti ta’ punt perċentwali. Il-Bank of Valletta tbaxxew bi ftit, 0.21% u t-Trident Estates tbaxxew b’1.33%.  In-negozju f’ishmaoħra kien blamoviment fosthom fil-BMIT Technologies, il-Malta International Airport u l-Mapfre.

Bonds

Fis-settur tal-bonds, il-Corinthia Finance 2026 żdiedu 1% waqt li dawk ta’ Stivala Group Finance 2027 avvanzaw 0.19%. It-tnaqqis kien baxx bid-Dizz, Eden, Hudson, Hili Properties u l-International Hotel Investments, kollha jimmaturaw bejn l-2025 u l-2027, tilfu 0.5% jew inqas.

Il-prezzijiet taż-żejt mistennija jibqgħu aktar baxxi anke meta tgħaddi l-pandemija u tirkupra l-ekonomija. Qabel ma maltempata laqtet lill-industrija fl-2020, l-aspettattivi f’terminu medju dwar il-prezz kienu għal madwar $65 u $70 kull barmil, bbażati fuq il-prezz medju annwali tal-Brent. Waqt li l-prezzijiet  telgħu u tbaxxew f’terminu qasir, hemm kunsens qawwi u reżiljenti li  l-prezzijiet ser jirritornaw lejn dan il-livell fi żmien ħames snin.

Iżda l-iskossi straordinarji lill-produzzjoni u l-konsum matul is-sena li għaddiet baxxew din il-fiduċja u kkawżaw li bosta osservaturi inaqqsu l-aspettattivi f’terminu medju b’madwar $5 kull barmil għal bejn $60 u $65. Il-London Metal Exchange ippropona li jagħlaq l-aħħar suq ta’ negozju bil-vuċi fl-Ewropa u jaqleb għal Sistema elettronika b’mod permanenti, u b’hekk isostni bidla mqanqla mill-pandemija. Kemm id-deheb kif ukoll il0fidda llum kienu f’territorju negattiv.