BarraninLokali

Il-prezzijiet taż-żejt taħt pressjoni sakemm jiġu evalwati l-konsegwenzi tal-urugan

Muniti Kontra l-Ewro

L-ewro llum laħaq l-ogħla rata f’sentejn u nofs kontra d-dollaru wara li l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew warrab ix-xniegħat dwar is-saħħa riċenti tal-munita u s-swieq tħassbu dwar l-impatt ekonomiku tal-maltempata tropikali Harvey.

Id-dollaru baqa’ qrib l-inqas rati fi 15-il xahar kontra l-muniti ewlenin l-oħra f’negozju kwiet, hekk kif kummenti mill-President tal-Federal Reserve Janet Yellen fil-laqgħa tal-banek ċentrali f’Jackson Hole, Wyoming, komplew jagħmlu pressjoni fuq id-dollaru.

L-indiċi tad-dollaru waqa’ għall-inqas livell fi 15-il xahar wara li diskors ta’ Yellen m’għamel l-ebda referenza għall-politika monetarja u b’hekk iddiżappuntat lill-investituri li stennewha tadotta ton aktar radikali. Id-dollaru ilu taħt pressjoni qawwija ta’ bejgħ din is-sena fost l-inċertezza li għaddejja dwar l-aġenda ekonomika tal-President Trump u dubji li l-Federal Reserve jagħmel it-tielet żieda fir-rati din is-sena.

Indiċi

Is-swieq tal-ishma Ewropej illum tbaxxew modestament hekk kif iż-żieda tal-ewro wara l-laqgħa ta’ Jackson Hole kabbret it-tħassib dwar l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-ewro.

Wall Street kellu jiftaħ ftit ogħla llum, anke jekk l-investituri għadhom jeżaminaw l-impatt tal-maltempata tropikali Harvey fuq l-ekonomija Amerikana.

Ishma Lokali

Is-suq tal-ishma lokali llum kien l-aktar negattiv biċ-ċaqliq il-kbir kien fil-Malta Properties Company u t-Tigne Mall li tilfu 5.82% u 6.35% rispettivament.

Bonds lokali

Anke s-sessjoni tal-bonds lokali kienet negattiva bl-akbar tnaqqis ikun fil-Pendergardens Developments 2022 b’1.82% u fl-International Hotel Investments 2021 bi 2.34%.

Indikaturi Ekonomiċi

Il-fiduċja fin-negozju fl-Italja żdiedet bla mistenni ix-xahar li għadda. F’rapport, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp, l-OECD, qal li il-fiduċja żdiedet għal 104.8 minn 103.7 fix-xahar preċedenti li ċ-ċifra tiegħu kienet riveduta ‘il fuq minn 103.5. L-analisti kienu qed jistennew li ċ-ċifra ma tinbidilx f’103.5.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt illum baqgħu taħt pressjoni, hekk kif investituri komplew jistudjaw il-konsegwenzi tal-urugan Harvey fuq l-industrija taż-żejt tal-Istati Uniti. Harvey daħal fuq l-art matul tmiem il-ġimgħa bħala l-aktar urugan b’saħħtu li laqat Texas f’aktar minn 50 sena. Huwa qatel żewġ persuni, ikkawża għargħar kbar u sforza l-għeluq tal-port ta’ Houston kif ukoll għadd ta’ raffineriji. Il-prezzijiet tad-deheb baqgħu qrib l-ogħla livell f’xahrejn, wara li r-rimarki diżappuntanti ta’ Yellen komplew jagħmlu pressjoni fuq id-dollaru.

Share this Story[social_share/]