Barranin
Il-programm ta’ tilqim Ewropew qed jagħti tama ġdida lill-investituri

L-ewro qed iżomm maż-żidiet ‘il fuq minn $1.1850 hekk kif l-investituri wrew sodisfazzjoni bl-iskeda ta’ vaċċinazzjoni aħjar fl-Ewropa u ċifri tajbin dwar is-settur tal-manifattura. Il-President Biden mistenni li jagħti aġġornament dwar il-pjan tal-infrastruttura u l-minuti tal-laqgħa tal-Federal Reserve jistgħu jitfaw dawl fuq il-passi li jmiss tal-bank. L-ewro avvanza kontra l-yen għat-tieni jum infila u baqa’ l fuq minn 130 yen.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin tal-ishma fl-Istati Uniti fetħu mħallta minħabba prestazzjonijiet varji mis-settur ewlenin tal-ekonomija. Fost il-11-il settur ewlieni fl-S&P 500, dak tal-Finanzai kien l-aħjar b’żieda ta’ 0.62% wara żieda ta’ 1.2% fid-dħul mill-bonds ta 10 snin tat-Teżor Amerikan. L-indiċi tat-teknoloġija kien qed jitlef 0.3%.

Analisti ta’ Morgan Stanley osservaw li fl-aħħar 30 sena, April kien wieħed mill-aħjar xhur tas-sena kollha u din is-sena, ix-xahar tax-xita fl-Istati Uniti jista’ jkollu aktar vantaġġi. April għandu xeħta jkun aktar b’saħħtu bl-agħar bejn Mejju u Settembru. Ir-rapport ta’ Morgan Stanley osserva li għall-ishma globali, il-prestazzjoni matul April għandha tendenza li tkun 2% aħjar mill-medja waqt li dik bejn Mejju u Settembru tkun madwar 1% agħar.

Il-FTSE 100 kellu jum tajjeb b’żieda ta’ aktar minn 1%. L-indiċijiet fl-Ewropa kellhom żidiet iżgħar, waqt li l-Ġappun żdied b’aktar minn nofs punt perċentwali. L-indiċi lokali ftit li xejn kellu moviment.

Ishma

Fis-settur tal-ishma lokali, il-Bank of Valletta żdiedu b’aktar minn 2% waqt li dawk tal-Malta International Airport żdiedu kważi 1%. Telf bejn il-1% u t-2% kien osservat f’Simonds Farsons Cisk, International Hotel Investments u LifestaR. L-ishma tal-Maltapost kellhom l-akbar tnaqqis, dak ta’ 3%.

Il-bonds lokali kienu aktar pożittivi bil-Pendergardens jiżdiedu 2%. L-AX Group 2026 żdiedu 1.50% waqt li Shoreline avvanzaw nofs punt perċentwali. Telf negliġibbli kien osservat fin-1923 Investments u l-Hili. Il-bonds ta Together Gaming Solutions tilfu 0.2%.

Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat bdew is-sessjoni fuq sieq tajba wara aħbarijiet pożittivi dwar il- kampanja tal-vaċċinazzjoni fl-Ewropa flimkien mal-aħbar li l-Fond Monetarju Internazzjonali rreveda ‘l fuq it-tbassir tiegħu għat-tkabbir globali u t-tnaqqis fl-inventarju taż-żejt fl-Istati Uniti.

Madankollu, id-deċiżjoni riċenti tal-OPEC u l-alleati biex jibdew iżidu l-produzzjoni minn Mejju tidher li qed ikollha effett fuq is-sentiment tan-negozjanti. Fl-istess linja, l-Iran u pajjiżi tal-Punent bdew taħditiet fi Vjenna bil-għan li jitqajjem il-ftehim nukleari tal-2015 li potenzjalment jista’ jirriżulta li jitneħħew is-sanzjonijeit kontra l-Iran u biż-żieda sussegwenti fil-produzzjoni u l-esportazzzjoni taż-
żejt mill-Iran.

Il-prezz tad-deheb tbaxxa u tilef iż-żidiet ta’ matul il-lejl. Il-bejgħ kien qrib l-$1,745.