Barranin
Ir-restrizzjonijiet tat-tieni lockdown fl-Ewropa huma b’saħħithom iżda jidher li mhux se tidħol fi kriżi fit-tul

Il-Bank Ċentrali Ewropew żamm l-istess rati ta’ interessi lbieraħ iżda impenja ruħu li jieħu ħsieb l-effetti tat-tieni mewġa tal-coronavirus, u ser jagħti t-tweġiba tiegħu fil-laqgħa ta’ Diċembru kif huwa mistenni mis-swieq.

Id-dollaru ma baqax jiżdied illum, waqt li l-ewro baqa’ qrib l-inqas livell f’erba’ ġimgħat kontra d-dollaru wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ta ħjiel ta’ aktar illaxkar monetarju f’Diċembru. Matul il-lejl, it-tnaqqis tal-ewro flimkien ma’ dejta mill-Istati Uniti għenu lid-dollaru lejn l–ogħla livell f’erba’ ġimgħat kontra grupp ta’ muniti.

L-ishma f’Londra tbaxxew bil-FTSE 100 riesaq lejn l-agħar waqgħa f’xahar minn Marzu minħabba l-biża li r-restrizzjoniet biex tkun megħluba l-pandemija ser jfixklu l-irkupru ekonomiku li għadu fil-bidu tiegħu.

Indiċi tal-ishma Asjatiċi tbaxxa għat-tielet sessjoni infila peress li l-ansjetà dwar l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti u prospetti ekonomiċi globali mhux sodi laqtu lis-swieq finanzjarji.

L-IPO tal-kumpanija Ant taċ-Ċiniż Jack Ma attira 3 Triljun dollaru f’ordnijiet, u dan kiser ir-rekord ta’ kull żmien tal-kumpanija Aramco u ġibed finanzi biżżejjed biex jixtri il-bank JPMorgan Chase għal 10 darbiet.

Il-grupp ta’ riċerka Wifo qal li l-ekonomija Awstrijaka avvanzat bi 11.1% fit-tielet kwart tas-sena, minħabba żieda fid-domanda mill-konsumatur u rkupru fis-settur tas-servizzi hekk kif tnaqqsu r-restrizzjonijiet li kienu ddaħħlu minħabba l-coronavirus. L-irkupru ma pattiex għalkollox għat-tnaqqis ikkawżat mill-pandemija. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ sena ilu, il-Prodott Domestiku Gross tbaxxa b’5.3%.

L-ishma tal-kumpanija Alphabet żdieda, tal-Apple tbaxxew u Twitter ħadu tisbita l-isfel wara sensiela ta’ rapport finanzjarji mħallta mill-kumpaniji ewlenin tast-teknoloġija li fuqhom qgħadu l-investituri din is-sena biex iqajmu l-irkupru fis-suq tal-ishma matul il-pandemija.

Ir-restrizzjoni fit-tieni lockdown fl-Ewropa huma b’saħħithom sa ċertu punt. Franza, il-Ġermanja u oħrajn qed jimponu regoli aktar iebsa biex jillimitaw il-COVID-19. Ix-xokk ekonomiku għandu jkun inqas mit-tnaqqis ta’ 11% fit-tieni kwart tas-sena miġjub mill-ewwel mewġa u l-infiq governattiv u l-Bank Ċentrali Ewroopew jistgħu jnaqqsu d-daqqa. Madankollu l-Ewropa ma tidhirx imħejjija għal kriżi fit-tul.

Il-prezzijiet globali taż-żejt tbaxxew aktar minn 1%, u estendew it-telf u resqin lejn it-tieni xahar ta’ tnaqqis minħabba tħassib li qed jikber li ż-żieda fil-każi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti jistgħu jolqtu ħażin il-konsum tal-fjuwil.