Barranin
Is-swieq finanzjarji jiffaċċjaw żmien ta’ inċertezza bl-elezzjoni Amerikana

Muniti

Kiber it-telf fid-dollaru u riesaq lejn l-akbar tnaqqis għal tlett ijiem minn meta tqanqal il-bejgħ qawwi f’Marzu minħabba l-coronavirus. Dan għaliex l-investituri qed ilestu ruħhom għal laqgħa tal-Federal Reserve li tista’ tagħti ħjiel għal aktar stimulu.

Is-swieq finanzjarji qed jistennew ġranet jekk mhux ġimgħat ta’ inċertezza, hekk kif il-President Trump fetaħ attakk fuq diversi fronti dwar l-għadd tal-voti f’diversi stati permezz ta’ kawżi fil-qorti u talab għadd mill-ġdid li jistgħu jitqiesu li jmorru kontra d-dollaru.

Id-dgħufija tad-dollaru ġiet kkumplikata wkoll mit-tnaqqis fid-dħul mill-bonds tat-Teżor ta’ 10 snin jew sentejn. Bir-riżultat finali tal-elezzjonijiet fl-Istati Uniti inċert, il-Federal Reserve mistenni li jerġa’ jsostni l-aħħar stqarrija tiegħu u jirrepeti l-wegħda li jagħmel dak li jista’ biex jgħin lill-ekonomija matul ir-riċessjoni mqanqla mill-coronavirus.

Indiċi

L-indiċi f’Wall Street issaħħu llum għax l-investituri qed iqisu li Senat ikkontrollat mir-Repubblikani ser jimblokka kwalunkwe mossa mill-amministrazzjoni ta’ Joe Biden biex jissikka r-regolamentazzjoni u jżid it-taxxi fuq il-kumpaniji, anke jekk ħadd mhu jbassar ir-rebbieħ finali tal-elezzjoni.

L-ishma Ewropej laħqu l-ogħla livell f’jumejn illum, sostnuti minn għadd ta’ rapporti finanzjarji mill-kumpaniji tajbin, minn aktar stimulu għall-ekonomija Brittanika u żieda fl-ishma f’Wall Street hekk kif l-elezzjoni presidenzjali hija inċerta. L-indiċi tal-Borża ta’ Malta ukoll żdied u segwa l-indiċijiet maġġuri.

Shares

Fl-ishma lokali, l-International Hotel Investments għamlu qabża kbira ‘il quddiem b’żieda ta’ 10%, ferm aktar minn dawk li żdiedu u dawk li tbaxxew. Madankollu, Harvest Technology u l-Malta International Airport żdiedu 0.69% u 0.43% rispettivament. Il-Bank of Valletta u Simonds Farsons Cisk tilfu bejn 2% u 3%. Il-GO l-HSBC kienu negozjati bla bidla fil-prezz.

Bonds

In-negozju fil-bonds lokali tal-kumpaniji llum kien aktarx bilanċjat bil-Cablenet Communication Systems 2030 jiżdiedu kważi 1%. L-International Hotel Investments 2026 avvanzaw 0.8%. Aktar ċaqliq qrib in-nofs perċentweali dehru fil-bonds ta’ Me Direct u Dizz. Pendergardens tilfu aktar minn 1.2%. Fl-aħħarnett, il-Phoenicia Finance Company 4.26%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew illum hekk kif id-Demokratiku Joe Biden resaq aktar lejn il-presidenza f’elezzjoni inċerta għall-aħħar, għalkemm baqa’ dubju dwar aktar stimulu qawwi biex tkun sostnuta l-ekonomija quddiem il-kriżi tal-coronavirus. Id-deheb illum żdied 1.50% u l-fidda 4.25%.