Barranin
Iż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19 fl-Asja jnaqqsu l-prezz taż-żejt

Muniti

L-ewro qed tiġi negozjata qrib id-dollaru u għoxrin ċenteżmu hekk kif id-dollaru qed jerġa’ jissaħħaħ wara li rapport dwar il-qgħad fl-Istati Uniti għeleb l-istimi b’547 elf.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde rrikonoxxiet tbassir aktar pożittiv u wegħdet aktar appoġġ.

Kif mistenni il-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li ma jbiddilx ir-rati tal-interess ta’ proċeduri ewlenin ta’ finanzjament mill-ġdid, tal-faċilità ta’ self marġinali u tal-faċilità ta’ depożitu u żammhom fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% (żero punt ħamsa fil-mija fin-negattiv), rispettivament.

Lagarde spjegat li dawk li jfasslu l-politiki jistennew li l-PEPP jkompli b’pass aktar mgħaġġel milli kien fil-bidu tal-pandemija.

L-ewro telgħet għal livelli għolja kontra l-isterlina u dan wassal għal ottimiżmu biex jinqabeż il-livell ta’ 0.8700.

In-negozju bejn Ewro u Sterlina bena fuq il-vena pożittiva ta’ din il-ġimgħa meta tela’ ‘l fuq mill-livelli ta’ 0.8600 u kompla jissaħħaħ għat-tielet sessjoni konsekuttiva.

Indiċi

Wara kisbiet kbar l-Erbgħa, l-indiċi fl-Istati Uniti fetħu f’territorju negattiv illum.

F’dawn is-siegħat id-Dow Jones niżel 0.43%, Standard and Poor’s qed jitlef 0.32% fil-livell ta’ 4,160 u Nasdaq Composite qed jitlef 0.33% fil-livell ta’ 13,890.

L-indiċi Topix mill-Ġappun kellu l-aqwa prestazzjoni llum b’żieda ta’ ftit inqas minn 2%. L-indiċi lokali ra gwadann sostanzjali llum.

Ishma

Illum kien jum pożittiv għall-ishma hekk kif l-ebda kumpanija kkwotata ma rat telf u saħansitra xi ishma rreġistraw qligħ kbir bħal IHI u Maltapost, li telgħu aktar minn 10% u 8.5% rispettivament.

L-ishma tal-GO f’nofs it-tabella żiedu kważi 3.5% fil-valur tagħhom. RS2 Software u Mapfre Middlesea telgħu sostanzjalment b’żieda ta’ 2.79% u 1.71% rispettivament.

Bonds

Il-bonds illum ukoll kellhom xejra pożittiva u bosta kellhom eżitu tajjeb ħafna. Dizz raw żieda ta’ ftit aktar minn 1%. Hili u Von der Heyden Group telgħu bejn 0.7% u 0.8% waqt li IHI telgħu 0.5%.

GAP u Together Gaming Solutions niżlu marġinalment filwaqt li Shoreline raw l-ikbar telf u għalqu b’telf ta’ aktar minn 2% fuq is-sessjoni preċedenti.

Prodotti essenzjali

Ir-raġuni ewlenija għal tnaqqis fil-prezz taż-żejt hija l-każijiet dejjem jiżdiedu ta’ Covid fl-Asja speċjalment fl-Indja u l-Ġappun u dan qed ikebbes mill-ġdid it-tensjoni dwar irkurpu ekonomiku globali u prospetti għad-domanda taż-żejt.

Katalist ieħor huwa ż-żieda mhux mistennija fl-istokk ta’ żejt fl-Istati Uniti l-ġimgħa li għaddiet. Informazzjoni ppubblikata lbieraħ turi li l-ġimgħa l-oħra kien hemm żieda ta’ 600,000 barmil għal 493.02 miljun barmil kontra aspettattivi ta’ tnaqqis b’4.4 miljun barmil.

Barra minn hekk il-prezz tad-dollaru wkoll kellu impatt fuq il-prezz taż-żejt kif ukoll esportazzjonijiet akbar mill-Iran żiedu l-piż fuq iż-żejt.

Il-prezz tad-deheb issa ħa xejra differenti mill-jiem li għaddew u fis-sessjoni Ewropea ġie nnegozjat għal $1,787.

Dan it-tagħrif kien miġjub minn BNF Bank.