Barranin
Iż-żieda fl-infezzjonijiet tal-Covid fl-Ewropa qed tolqot ħażin lill-ewro

Muniti

L-ewro qed ikun negozjat bid-$1.18, bi tnaqqis għal jum, hekk kif id-dollaru bbenefika minn sentiment kontra r-riskju. Tħassib dwar il-Covid, is-sentiment Ċiniż kontra kumpaniji tat-teknoloġija u tensjoni qabel il-laqgħa tal-Federal Reserve qed jolqtu ħażin lis-sentiment. L-Ordnijiet dwar l-Oġġetti Durabbli fl-Istati Uniti ma laħqux l-estimi b’0.8%.

Il-każi tal-COVID-19 qed ikomplu jiżdiedu fl-Ewropa, minkejja l-ħidma qawwija bit-tilqim. Iż-żieda fl-infezzjonijiet qed tolqot ħażin lill-ewro u anke lis-sentiment tal-kumpaniji fl-akbar ekonomija taż-żona ewro. L-istħarriġ mill-istitut Ġermaniż, IFO, dwar il-klima kummerċjali ma laħqitx l-estimi b’100.8 punti.

Il-Federal Reserve aktarx li jikkunsidra l-Covid fil-laqgħa li tibda llum. Waqt li l-Bank jidher li ser iħalli l-bieb miftuħ għal tnaqqis fl-iskema ta’ xiri ta’ bonds, sinjali riċenti ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika ngħaqdu mat-tħassib dwar il-Covid u jista’ jirriżultaw f’messaġġ kawt meta iċ-Ċermen Jerome Powell jitkellem għada.

Apparti milli ħadu pożizzjoni qabel il-laqgħa, l-investituri stennew ukoll l-istatistika dwar l-ordnijiet għall-oġġetti durabbli għal Ġunju, li ser tbassar espansjoni fl-investiment iżda mhux ser jilħqu l-estimi. Dan jista’ jgħin lid-dollaru.

F’termini ta’ ċaqliq kontra muniti ewlenin, il-ġurnata fis-swieq tal-kambju kienet waħda tipika b’movimenti li ma jaqbżux iż-0.3% u l-ewro u l-Frank Żvizzeru jimxu flimkien.

Indiċi

L-ishma Ewropej qed ikunu negozjati f’territorju negattiv, bil-parti l-kbira jitilfu sa nofs punt perċentwali wara nofsinhar. Il-FTSE 100 mexa mal-indiċijiet Ewropej. Fil-ftuħ, id-Dow Jones, tbaxxa aktar minn dawk Ewropej. Huwa tilef 0.68% mal-ftuħ.

Wara dan, l-indiċijiet Ewropej komplew jitbaxxew. It-Topix tal-Ġappun żdied b’0.65% iżda għad irid jiehu inkonsiderazzjoni in-negattività fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Dak lokali tilef 1.22%.

Shares

L-ishma lokali kellhom jum negattiv b’Simonds Farsons Cisk jitilfu kważi 8%; il-Malta International Airport tilfu qrib il-5% u l-RS2 Software tilfu qrib it-3%. Il-Lombard Bank u l-Bank of Valletta kellhom jum pożittiv bil-Lombard fuq quddiem bi 2.2% u l-Bank of Valletta b’żieda ta’ 1.12%.

Bonds

L-akbar movimenti fil-bonds lokali kienu erbgħa: tnejn f’territorju pożittiv u tnejn negattivi. Il-Mediterranean Maritime Hub 2026 kellhom żieda d-doppju perċentwali tal-Mercury Projects Finance. Ix-Shoreline u s-Central Business Centre jitilfu nofs punt u punt perċentwali rispettivament.

Prodotti Essenzjali

Il-prezz tal-fidda estenda l-azzjoni konsolidattiva u baqa’ fil-firxa dejqa ‘l fuq minn $25.00 qabel il-ftuħ tas-suq Amerikan.