Jirkupra xi ftit l-ewro wara li kellu l-inqas rata f’ġimgħa

L-ewro llum irkupra xi ftit wara li kellu l-inqas rata f’ġimgħa ta’ $1.2022. Huwa kien qed jinbiegħ għal $1.2089 matul is-sessjoni Ewropea, hekk kif id-domanda għad-dollaru tbaxxiet fost tnaqqis fid-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan.

Wall Street ngħata spinta modesta mill-minuti tal-Fedseral Open Market Commitee li ftit li xejn għenu biex l-indiċijiet jitilgħu xi ftit mil-livelli baxxi. Il-minuti wrew li d-diretturi nnotaw li l-progress ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi naqqsu mir-ritmu fix-xhur riċenti. L-Isterlina qed tkun negozjata ‘il fuq minn $1.3950, f’livelli li l-aħħar li laħqet kien kmieni fl-2018. Dan seħħ minħabba li ċifri tajbin dwar il-koronavirus kabbru l-aspettattivi ta’ ftuħ malajr tal-ekonomija.

Indiċi

Indiċijiet tal-ishma ewlenin fl-Istati Uniti fetħu f’territorju negattiv għat-tieni jum konsekuttiv hekk kif il-flussi ta’ assi sikuri komplew jiddominaw is-swieq finanzjarji. Kollox ma’ kollox kienet ġurnata negattiva bid-Dow Jones l-uniku li juri xi ftit ottimiżmu. L-indiċi tal-Borża ta’ Malta illum tilef 0.25%.

Ishma

Fis-sessjoni tal-ishma lokali, l-ishma ta’ RS2 Software avvanzaw bni kważi 3% waqt li t-Tigne Malta żdiedu 1.39%. Il-Harvest Technology tilfu 1.36%. Il-PG tilfu 2% bl-ishma tal-International Hotel Investment tilfu d-doppju.

Bonds

Il-bonds illum kienu kważi ibbilanċjati u  anke iċ-ċaqliq perċentwali kien kważi l-istess. Il-bonds ta’ Izola Bank kienu fuq quddiem b’żieda ta’ 1.15%.  L-International Hotel Investments, ix-Shoreline u l-SP Finance kellhom żidiet simili ta’ bejn tlitt kwarti ta’ punt perċentwalio u 1%. F’territorju negattiv kien hemm il-Hili Finance 2029 u  n-1923 Investment li tilfu bejn nofs punt perċentwali u 1%. Il-Corinthia Finance tilfu madwar 1.5%.

Il-prezz taż-żejt mhux raffinat baqa’ sod illum anke wara rapport li l-Għarabja Sawdija kienet qed tikkunsidra li tkabbar il-produzzjoni taż-żejt. Skont il-Wall Street Journal, ir-Renju Sawdoi qed jippjana li jħabbar dan fil-laqgħa li jmiss.Iż-żieda fil-produzzjoni ser tibda minn April din is-sena.

Għadd ta’ fatturi ta’ appoġġ għenu lid-deheb li jikseb xi żieda. Is-sentiment huwa moderat u jidher li ser ikun hemm aktar tnaqqis fil-prezz. Saħħa sostnuta ‘il fuq mill-$1,800 hija meħtiġa sabiex jonqos is-sentiment moderat. Il-prezz spot tal-fidda baqa’ negattiv minkejja d-dgħufija qawwija tad-dollaru li normalment tkun pożittiva għal metalli prezzjużi bħal fidda.