X

Jitbaxxa l-Ewro u jissaħħaħ id-Dollaru

L-Ewro tbaxxa llum hekk kif id-dollaru ssaħħaħ qabel it-taħditiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, li huma mistennija din il-ġimgħa. L-investituri jittamaw li dawn inaqqsu t-tensjonijiet bejn l-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja.

Analisti qalu li t-tħassib li l-kriżi fil-munita Torka tista’ tolqot banek fiż-żona tal-Ewro u l-inċertezza dwar il-baġit Taljan ukoll tefgħu pressjoni fuq l-Ewro.

Id-Dollaru żdied fl-aħħar ġimgħat, u l-ġimgħa li għaddiet laħaq l-ogħla rata ta’ din is-sena, hekk kif l-investituri fittxew is-sigurtà, waqt li sofrew l-ekonomiji emerġenti u l-Ewro.

L-Isterlina tilfet  hekk kif kien hemm irkupru fid-Dollaru u l-investituri tefgħu l-fokus tagħhom fuq it-taħditiet li jistgħu jiddeċiedu jekk ir-Renju Unit  jiksibx ftehim kummerċjali mal-Unjoni Ewropej qabel jitlaq mill-unjoni.

L-isterlina għaddiet minn sitt ġimgħat ta’ telf kontra d-dollaru, l-agħar mill-2014, anke jekk l-istatistika bħal dik tal-bejgħ bl-imnut turi li l-ekonomija qed iżomm sod.

B’inqas minn tmien xhur biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern għadu jrid jiftiehem ma’ Brussell it-termini tal-ħruġ  u xi hedge funds diġà qed inaqqsu l-fiduċja fl-Isterlina.

Indiċi

L-istokks fl-Istati Uniti fetħu ogħla llum minħabba tamiet li t-taħditiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina jgħinu biex tkun riżolta t-tilwima kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ishma

Fil-Borża ta’ Malta llum kien hemm xi movimenti b’diversi kumpaniji juru ċaqliq ta’ aktar minn 1%. Trident Estates kellhom l-akbar ċaqliqa bi tnaqqis ta’ 2.26%, segwiti minn Simonds Farsons Cisk li tilfu 1.33%. Il-Malita Investments żdiedu b’1.15%.

Bonds

Kien hemm ukoll ċaqliq fil-bonds lokali bl-International Hotel Investments 2025 juru żieda ta’ 2.84%. iċ-Central Business Centres 2021 wrew tnaqqis ta’ 0.94%.

Commodities

Iż-żejt Brent stabilizza qrib it-$72 kull barmil wara jiem ta’ tnaqqis, minħabba tħassib dwar tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku iżda sostnut minn tnaqqis fil-provvista mill-Iran minħabba is-sanzjonijiet Amerikani.

Il-prezzijiet bil-quddiem tal-U.S. West Texas Intermediate qed ikunu bla ċaqliq hekk kif l-investituri jistennew aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni tal-provvista u d-domanda. Is-suq qed jipprova jirkupra wara l-bejgħ qawwi ta’ nhar l-Erbgħa minħabba żieda mhux mistennija fil-ħażniet tal-Istati Uniti. Dan iż-żejt qed ikun nnegozjat bi tnaqqis ta’ 0.26% fil-prezz.

Il-prezzijiet tad-deheb żammew sodi llum wara li irkupraw xi ftit mill-prezzijiet baxxi tal-aħħar 19-il xahar tal-ġimgħa li għaddiet, mgħejjuna minn dgħufija fid-dollaru Amerikan minħabba tamiet li qed tonqos it-tensjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina.