Barranin
Jitbaxxa l-prezz taż-żejt minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 

Id-dollaru, munita sigura, żdied u baxxa lill-ewro għall-inqas rata f’ġimgħa minħabba prospetti ta’ lockdown nazzjonali fil-Ġermanja u fi Franza hekk kif żdiedu l-każi tal-koronavirus bil-volatilità fil-munita unika u l-yen tilħaq l-ogħla livelli f’bosta xhur hekk kif l-investituri qed iħejju għall-elezzjoni presidenzjali tal-Istati uniti tat-Tlieta li ġejjin.

Il-Bank of Canada qal li l-irkupru inizjali fil-Kanada mill-kriżi ekonomiku marbuta mal-pandemija kien aktar b’saħħtu milli kien mistenni, iżda t-tieni mewġa hija mistennija li ser tikkawza tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’terminu qasir. Il-bank ma biddilx ir-rati tal-interessi. Id-dollaru Kanadiza tbaxxa b’0.5% kontra l-ewro.

Indiċi

It-telf żdied fis-swieq tal-ishma Ewropej, bl-indiċi ta’ referenza STOXX 600 jitbaxxa għall-inqas livell minn tard Mejju minħabba biża’ ta’ lockdown nazzjonali fi Franza u restrizzjoni akbar f’postijiet oħra minħabba żieda fil-każi tal-koronavirus.

Il-Ġermanja kienu fuq quddiem tal-indiċijiet fl-Ewropa b’telf ta’ aktar minn 4%. Sors qrib il-Gvern qal li l-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż Olaf Scholz qed jippjana li “jikseb ferm aktar dejn” milli kien ippjana is-sena d-dieħla biex jiffinanzja miżuri ta’ għajnuna ġodda minħabba l-koronavirus u jgħin lill-kumpaniji joħorġu b’saħħithom mit-tieni mewġa tal-pandemija.

L-indiċi lokali injora l-bejgħ qawwi globali u kien f’territorju  pożittiv b’żieda ta’ 0.13%.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, il-Bank of Valletta llum żdiedu kważi 3% segwiti mill-Malta Properties, bi kważi 2% u l-PG. Dawn tal-aħħar avvanzaw b’1%. L-HSBC u Simonds Farsons Cisk kienu negozjati mingħajr movement. Il-Malta International Airport tilfu 1.26% waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 2% fil-prezz tal-RS2 software.

Bonds

Fis-sessjoni tal-bonds lokali, il-ME Direct u Stivla avvanzaw qrib iż-0.5%.  F’territorju negattiv kien hem mil-Merkanti Holding u l-International Hotel Investments 2026 tilfu qrib nofs punt perċentwali, waqt li l-Bortex tilfu kważi 1%. L-International Hotel Investments 2025 tbaxxew b’1.72%.

L-Energy Informational Administration qalet li l-ħażniet taż-żejt mhux raffinat fl-Istati Uniti żdiedu waqt li tbaxxew dawk tal-fjuwil u d-distillate. Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew 5% għall-inqas livell fi tlitt ġimgħat hekk kif iż-żieda fil-każi tal-koronavirus fl-Istati Uniti u fl-Ewropa qed twassal għal aktar lockdowns, u dan qed iqajjem il-biża’ li l-irkupru ekonomiku mhux daqstant sod jista’ jmur għall-agħar. Iż-żejt mhux raffinat jinsab taħt pressjoni  miż-żieda fil-każ tal-COVID-19, speċjalment fl-Ewropa. Id-deheb u l-fidda wkoll kellhom jum negattiv, bil-fidda titlef l-aktar.