Jiżdied il-prezz taż-żejt wara l-aħbar dwar il-vaċċin

Muniti marbuta mal-kummerċ ħadu spinta biż-żieda fis-sentiment ta’riskju wara li Joe Biden rebaħ l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti u wara li l-kumpanija Pfizer Inc ħabbret li l-vaċċin sperimentali tagħhom kien aktarminn 90% effettiv fil-prevenzjoni tal-COVID-19.

Il-muniti Skandinavi u l-Yen Ġappuniż kellhom l-akbar movimenti, waqt li l-yuan Ċiniż kellu l-ogħla rata fi 28 xahar. Presidenza mmexxija minn Bidejn mistenni li tkabbar ir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u l-prospett ta’ vaċċin b’suċċess kontra l-Coronavirus qed jitqies bħala mbuttatura il quddiem bil-każi globali dejjem jiżdiedu. Iżda, in-negozjati li għadhom sejrin dwar Brexit kellhom effett fuq l-Isterlina.

L-ewro żdied sewwa kontra l-yen u l-Frank Żvizzeru meqjusa bħala muniti siguri. Il-munita unika tilfet kontra id-dollari tal-Awstralja u tal-Kanada.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa telgħu għal għola livell fi tmien xhur wara li l-manifatturi tal-mediċini Pfizer u BioNTech ħabbru progress kbir fil-vċċin tagħhom kontra l-Covid-19, waqt li r-rebħa ta’ Biden kabbret it-tamiet li politika kummerċjali Amerikana aktar stabbli.

L-ishma tal-banek u ta’kumpaniji taż-żejt u tal-ivvjaġġar żdiedu wara l-aħbar dwar il-vaċċin u dan wassal lill-investituri li jaqilbu lejn ishma ċikliċi li dan l-aħħar ħadu daqqa. Setturi li kienu l-aktar milquta mil-lockdowns, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u d-distanza soċjali, introdotti biex titnaqqas il-firxa tal-koronavirus, għamlu ċaqliq spettakolari hekk kif l-investituri ikkunsidraw sewwa dan l-iżvilupp li jista’ jaqleb is-swieq wara xhur milquta mill-pandemija.

L-indiċi lokali mexa fl-istess direzzjoni mal-indiċijiet ewlenin, iżda għal raġunijiet differenti.

Ishma

Ma kienx hemm ishma negattivi illum fil-Borża ta’ Malta, b’żieda qawwija ta’ 8% fil-Malta International Airport, segwiti mill-HSBC b’aktar minn 4%.  Żidiet qawwija fil-GO u l-Malta Properties Company kienu inqas relevanti mqabbla mal-Malta International Airport. Il-Malita, l-RS2 Software u l-Bank of Valletta żdiedu qrib il-1%. Ma kien hemm ebda sehem li illum tbaxxa.

Bonds

Il-bonds lokali kienu mħallta u attivi mhux ħażin illum. F’territorju pożittiv kien hemm l-International Hotel Investments, l-SDP Finance, il-Von der Heyden Finance u l-United Finance li żdiedu qrib it-2%. Il-bonds tal-International Hotel Investments 2024 żdiedu inqas minn dawk tal-istess kumpanija li jagħlqu fl-2026, b’tal-ewwel jiżdiedu 1% u l-oħrajn b’aktar minn 2%. F’territorju negattiv kien hemm in-1923 Investments u l-Hili Finance li tilfu 2%.

Il-prezz taż-żejt illum żdied bi kważi 10% għall-akbar żieda f’jum wieħed f’aktar minn sitt xhur wara l-aħbar dwar il-vaċċin u wara li l-Għarabja Sawdija qalet li il-ftehim bejn l-OPEC u l-alleati jista’ jiġi aġġustat biex jibbilanċja is-suq.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Mercuria Energy Trading qal li l-inventarji globali taża-żejt jistgħu jaraw żieda żgħira f’Novembru minħabba r-restrizzjonijiet dwar il-Coronavirus iżda jistgħu jerġgħu lura għal livell ta’ qabel il-pandemija anke sat-tieni kwart tal-2021.

Maż-żieda fil-prezz taż-żejt u tal-ishma kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tad-deheb u tal-fidda li tilfu aktar minn 4% u 6% rispettivament hekk kif l-investituri biegħhom biex jixtru assi aktar riskjużi.