Barranin
Jiżdied il-prezz taż-żejt wara sinjali li l-provisti u l-ħażniet ma żdidux kemm kien maħsub

Muniti

L-ewro ma kellu kważi ebda moviment illum qabel il-ħruġ tal-istatistika tal-prodott domestiku gross taż-żona ewro u l-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-bank illum qal li ma bidilx ir-rati tal-interessi iżda kien lest li jkabbar l-programm ta’ stimulu tal-coronavirus  jekk ikun meħtieġ hekk kif iż-żona ewro qed tiffaċja kriżi ekonomika. Il-bank ċentrali ħabbar ukoll li llaxka l-kundizzjonijiet ta’ self lill-banek.

L-Isterlina żdiedet ftit illum hekk kif tjieb is-sentiment ta’ riskju tal-investituri, għalkemm kompliet li tkun milquta mill-fatt li r-Renju Unit jidher li huwa wara l-kontra-partijiet Ewropej fl-ippjanar biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdown.

Id-dollaru tilef matul il-lejl wara li l-Federal Reserve ħalla l-bieb miftuħ għal aktar illaxkar monetarju u riżultati pożittivi fil-provi ta’ mediċina biex tikkura l-COVID-19 ukoll tejbu s-sentiment.

 

Indiċi

L-ishma Ewropej tbaxxew illum hekk kif qtugħ rari fid-dividend mill-kumpanija ewlenija taż-żejt, Royal Dutch Shell, u għadd ta’ rapporti finanzjarji mill-kumpaniji tappnu s-sentiment madwar il-kontinent.

Id-Dow Jones tilef aktar minn 1.40% wara għadd ta’ rapporti finanzjarji mill-kumpaniji u ċ-ċifra tan-nies qegħda li issa laħqu t-30 miljun fil-ġimgħat riċenti. Id-Dow Jones żdied 2.2% ilbieraħ wara tagħrif dwar provi pożittivi fuq mediċina kontra l-virus mill-kumpanija Gilead Sciences.

 

Shares

L-indiċi tal-Borża ta’ Malta llum kien bla movement bi ftit attività ta’ negozju. Fost l-ishma attivi, kien hemm mil-Lombard Bank bi tnaqqis ta’ 4.76%, il-GO bi 2.63% u l-BMIT Technologies b’1.64%.

L-RS2 Software u l-Malta International Airport kienu l-uniċi f’territorju pożittiv  b’żieda ta’ 1.98% u 2% rispettivament. Il-Bank of Valletta, il-PG u l-Harvest Technology kollha kienu negozjati mingħajr bidla fil-prezz.

 

Bonds

Il-bonds lokali kienu mħalta bil-Merkanti Holding jitilfu 1%, in-1923 Investments  2024 jonqsu b’0.51% u l-Phoenicia Finance Company 2023-2028 jirreġistraw tnaqqis ta’ 0.51%.

F’territorju pożittiv, il-Virtu Finance 2027 b’0.50%, l- International Hotel Investments  2025 b’1%, il-Mediterranean Maritime Hub Finance  2026 b’1.04% u l-Mediterranean Investments Holding  2021 b’5.31%.

 

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt żdiedu llum wara sinjali li l-provvista kbira ta’ żejt mhux raffinat Amerikan mhijiex tiżdied b’ritmu mgħaġġel daqs kemm kien mistenni u indikazzjoni ta’ żieda fid-domanda għall-fjuwil, li intlaqtet ħażin mill-coronavirus.

Il-ħażniet Amerikani żdiedu b’9 miljun barmil il-ġimgħa li għaddiet għal 527.6 miljun barmil, inqas miż-żieda mistennija ta’ 10.6 miljun barmil. Il-ħażniet tal-fjuwil fl-Istati Uniti tbaxxew bi 3.7 miljun barmil mil-livell record tal-ġimgħa ta’ qabel, bi ftit żieda fid-domanda għall-fjuwil tibbilanċja irkupura fil-produzzjoni mir-raffineriji.

Id-deheb żdied u riesaq lejn l-aħjar xahar f’erba’ xhur minħabba aspettativa ta’ aktar illaxkar monetarju mill-banek ċentrali u tħassib persisteni dwar riċessjoni globali żiedu d-domanda għall-assi sikuri. Madankollu tard wara nofsinhar, id-deheb tilef xi żidiet biex tbaxxa b’0.50%.