X

Jogħla l-prezz taż-żejt wara li l-Istati Uniti ħabbret aktar passi kontra l-Iran

Story Published

L-ewro sa issa kien negozjat b’mod imħallat, żamm sod kontra d-dollaru li miegħu tilef 0.08% għal $1.1245. Barra dan, l-ewro tilef 0.27% kontra l-Isterlina u 0.10% kontra l-Yen. Il-munita unika avvanzat b’0.23% kontra d-Dollaru Awstraljan, b’0.13% kontra d-Dollaru Kanadiż u b’0.34% kontra l-Frank Żvizzeru.

Indiċi

L-ishma Ewropej kienu mħallta hekk kif fetħu bosta swieq finanzjarji wara tmiem il-ġimgħa twil u hekk kif qed jiżdiedu r-rapporti finanzjarji mill-kumpaniji.

Il-FTSE 100 żdied b’0.48%, l-iSTOXX 50 b’0.62%, id-DAX tbaxxa b’0.23% waqt li kien hemm żieda ta’ 0.31% fil-CAC 40.

Id-Dow Jones fetaħ b’żieda ta’ 0.17% waqt li l-indiċi tal-Borża ta’ Malta żdied b’0.11%.

Ishma

L-ishma tal-GO u tal-Maltapost żdiedu b’1.66% u bi ftit inqas minn 1% rispettivament.

Is-settur bankarju kien ġeneralment negattiv biż-żewġ banek ewlenin jitilfu fil-valur, l-HSBC Bank Malta jitlef ftit aktar minn 0.5% u l-Bank of Valletta bi 2%. It-Tigne Mall tilfu ftit aktar minn 2%.

Bonds

Kien jum attiv ħafna fil-bonds lokali fl-għadd ta’ titoli negozjati; għalhekk it-tabella qed turi biss dawk li żdiedu b’aktar minn 1%. Il-Pendergardens u l-SD Finance kellhom żieda ta’ aktar minn 2% bil-Pendergardens jiżdiedu bi kważi 3%. Il-GAP Group wrew avvanz ta’ 1%. Fin-naħa negattiva Bortex u l-Von der Heyden Group Finance tilfu aktar minn 1% iżda inqas minn 1.5%.

Il-prezz taż-żejt għola wara li l-Istati Uniti ħabbret aktar passi kontra l-Iran, bil-għan li jaqtgħu l-esportazzjoni minn dak il-pajjiż. Il-Brent żdied b’0.58% għal $67.40 waqt li l-United States West Texas Intermediate żdied b’0.24% għal $65.70.

Il-prezz tad-deheb żdied b’0.24% għal €1,271.96 waqt li l-fidda wriet żieda ta’ 0.55% għal $14.93.