X

Jorħos id-deheb filwaqt li jkompli jiżdied il-valur tad-Dollaru

Id-Dollaru niżel mill-ogħla livell f’din l-aħħar sena wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump esprima tħassib dwar munita b’saħħitha għaliex qal li din tqiegħed lill-Istati Uniti fi żvantaġġ. Il-munita unika telgħet 0.08 fil-mija fil-bidu tan-negozjar kontra d-Dollaru għal 1.1650.

L-Ewro tela’ b’0.04% kontra l-Isterlina u 0.08% kontra l-Frank Żvizzeru. Sadanittant, l-Ewro niżel b’0.05% kontra l-Yen wara li l-Yuan taċ-Ċina tela’ lura minn livelli baxxi għal din l-aħħar sena kontra d-Dollaru Amerikan. In-negozjaturi qalu li l-banek ewlenin tal-istat biegħu d-Dollaru biex iqawwu l-munita fraġli Ċiniża li ħadet daqqa ta’ ħarta minħabba kunflitt ta’ negozju bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.

L-ishma Ewropej niżlu hekk kif l-istokks marbuta ma’ vetturi u banek kellhom iħallu l-qligħ tagħhom fost tensjonijiet fin-negozju li wasslu għal bejgħ qawwi fil-Yuan Ċiniż u s-swieq tal-istokks Amerikani. Id-DAX niżel b’0.16%, STOXX 50 0.17 % u CAC40 0.16%. Intant il-FTSE 100 tela’ 0.18%.

Il-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum telgħu għalkemm jidher li se jerġgħu jinżlu matul din il-ġimgħa minħabba tħassib dwar provvista żejda u domanda mnaqqsa minħabba tnaqqis ekonomiku li jista’ jseħħ minħabba l-kunflitt ta’ negozju bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, l-akbar żewġ konsumaturi ta’ żejt fid-dinja. Iż-żejt Brent tela’ 0.44% għal $72.84 kull barmil u ż-żejt ħafif mhux maħdum tal-Istati Uniti tela’ b’ 0.42% għal $69.75.

Il-prezzijiet tad-deheb niżlu ftit għas-sitt sessjoni konsekuttiva qrib l-inqas livell f’din l-aħħar sena hekk kif tela’ l-prezz tad-Dollaru Amerikan qrib l-ogħla livell f’din is-sena. Id-deheb niżel b’0.03% għal $1,222.84 kull uqija filwaqt li l-fidda tela’ 0.14% għal $15.37 kull uqija.

Il-ġimgħa d-dieħla

Il-ġimgħa d-dieħla mistennija tiġi ppubblikata informazzjoni importanti li tinkludi deċiżjoni dwar ir-rata taż-żona Ewro tal-Bank Ċentrali Ewropew fis-26 ta’ Lulju u l-indiċi tal-prezzijiet tal-importazzjoni u l-esportazzjoni għat-tieni kwart tas-sena fl-Awstralja fil-25 ta’ Lulju.

rg :