Lokali
Jum mhux tas-soltu fl-ishma lokali – il-Plaza Centres jiżdied b’aktar minn 60%

Muniti

L-ewro qed iqarreb id-$1.1900, u laħaq l-ogħla livell fi tliet ġimgħat. Id-dollaru qed jitlef kontra l-muniti kollha wara li l-Federal Reserve ma ħabbarx tnaqqis fil-programm ta’ xiri ta’ bonds u jara l-inflazzjoni bħala tranżitorja. L-inflazzjoni fil-Ġermanja għelbet lill-estmi bi 3.8% fuq tqabbil annwali matul Lulju. Il-Prodott Domestiku Gross tal-Istati Uniti ma laħaqx l-estmi.

L-isterlina żdiedet għal aktar minn $1.40, u estendiet iż-żidiet wara d-deċiżjoni tal-Federal Reserve. Is-sospensjoni ta’ azzjoni legali mill-Unjoni Ewropea dwar il-protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq ukoll sostniet lill-Isterlina. Ir-Renju Unit temm ir-regoli ta’ kwarantina għal vjaġġaturi mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti li jkunu mlaqqma.

Indiċi

Is-sentiment tas-swieq finanzjarji ħżienet wara s-sessjoni Ażjatika. Bħala riżultat, il-barometri tar-riskju, jiġifieri d-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan u l-prezzijiet bil-quddiem tal-ishma, kienu taħt pressjoni minkejja xi fatturi pożittivi li ffavorew lix-xerrejja spekulaturi. Wara nofsinhar, madankollu, is-suq tal-ishma ra sentiment ottimist, bid-Dow Jones jiftaħ f’territorju pożittiv, il-FTSE 100 jiżdied b’aktar minn 1%, bix-Shell fuq quddiem taż-żieda. Kien hemm żidiet qawwija fl-indiċijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza. Dak lokali żdied b’aktar minn 1%.

Ishma

Kienet ġurnata mhux tas-soltu llum fl-ishma lokali, b’sehem partikolari, il-Plaza Centres, jiżdied b’aktar minn 60% f’negozju ta’ 1,100 sehem. L-International Hotel Investments, għalkemm b’żieda qawwija ta’ aktar minn 14%, baqgħu fid-dell ta’ din iż-żieda mhux normali. Harvest Technology u l-BMIT Technology żdiedu 3.25% u 1.66% rispettivament. Malita Investments u l-HSBC kienu f’territorju negattiv b’0.59% u 3% rispettivament. Il-Bank of Valletta, li kien fl-aħbarijiet bi profitt ta’ €25.9 fl-ewwel nofs tas-sena, ma kellu ebda negozju fl-ishma tiegħu.

Bonds

Ftit kien hemm attività fil-bonds lokali. L-Istivala u d-Dizz kellhom żidiet modesti, waqt li Browns u Hili Finance 2028 telf modest. Il-MIDI u x-Shoreline kienu aktar volatili u tilfu 1% u 1.5% rispettivamenmt.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt illum żdiedu b’0.6%, waqt li d-deheb u l-fidda kienu ogħla b’mod sinifikattiv. Id-deheb żdied b’aktar minn 1% waqt li l-fidda avvanza bi 2.81%.