Barranin
Kumpaniji relatati mat-teknoloġija ħadu spinta ‘l quddiem matul il-pandemija

L-ewro qed jitbaxxa kontra l-muniti kollha wara li l-indiċi dwar il-Klima tan-Negozju mill-Istitut Ġermaniż IFO mmarka 90.1 punti mill-aħħar qari ta’ 92. L-indiċi huwa mqabbel ma’ qari medju ta’ 100 kkalkulat fl-1995. Kmieni, l-ewro żdied hekk kif l-amministrazzjoni Biden kompliet
tippromwovi l-pjan ta’ stimulu minkejja oppożizzjoni mil-leġiżlaturi. It-telf tal-ewro kontra muniti differenti kien kważi l-istess u varja minn 0.2% sa 0.3%.

L-unika eċċezzjoni kienet kontra l-Frank Żvizzeru fejn ma kien hemm ebda moviment.

Indiċi

In-negozju fis-swieq tal-ishma kien imħallat b’dawk relatati mat-teknoloġija jimxu ‘l quddiem f’ġimgħa ta’ rapport finanzjarji mill-kumpaniji li jvarjaw mill-ġganti tat-teknoloġija, l-Apple b’4.18%, it-Tesla bi 2.09% u l-Facebook 1.81%. Id-Dow Jones tbaxxa waqt li n-Nasdaq avvanza
1.2%. Kumpaniji relatati mat-teknoloġija marru l-aħjar matul il-pandemija, minħabba l-ambjent li jħallik id-dar li aċċellara numru ta’ xejriet pożittivi fis-settur tat-teknoloġija. Sadattant indiċijiet ewlenin mill-Ewropa sal-Ġappun kienu qed jinnegozjaw fin-negattiv sa waranofsinhar.

L-indiċi lokali żdied 0.12%.

Ishma

Fl-ishma lokali, dawk tal-RS2 Software kienu fuq quddiem segwiti mill-Malta Properties Company u l-Bank of Valletta. Waqt li l-RS2 żdiedu bi 3%, l-ishma fil-Malta Properties avvanzaw 2%, u dawk tal-Bank of Valletta żdiedu b’0.21%. L-HSBC Bank kienu f’territorju negattiv u tilfu
3%.

Fis-settur tal-bonds lokali ix-Shoreline 2026 żdiedu 1.5%. Żidiet anqas kienu fil-bonds ta’ Hili li jimmatura fl-2028 u fl-2029. F’direzzjoni opposta kien hemm il-Von der Heyden Group, l-International Hotel Investments u l-iStivala li rreġistraw telf żgħir waqt li l-bonds tal-GAP naqsu b’1.84%.

Il-prezzijiet taż-żejt kienu stabbli hekk kif appoġġ mill-pjani għall-istimulu tal-Istati Uniti u ansjetà dwar il-provvisti kkompetew mat-tħassib dwar l-impatt fuq id-domanda mil-lockdowns ġodda minħabba l-coronavirus. Id-deheb żdied bejn $15 u $16 f’nofs is-sessjoni Ewropea u l-prezz tela’ għal livelli għolja ġodda. Id-deheb irnexxielu jattira l-prezz fir-reġjun ta’ $1,850 u issa qed jersaq sabiex il-prezz tas-sessjoni ta’ qabel fir-reġjun ta’ $1,837. Iċ-ċifri mill-IFO tal-Ġermanja kien wieħed mill-fatturi li pprovda sostenn għad-deheb.