Lokali
L-aħħar aħbarijiet dwar Brexit jitfgħu taħt pressjoni l-isterlina

Muniti

L-isterlina llum reġgħet kienet taħt pressjoni matul is-sessjoni Amerikana minħabba li l-aħħar aħbarijiet dwar Brexit qed iħallu impatt fuq l-isterlina. L-isterlina kienet qed titlef 0.16% kontra d-dollaru fil-livell ta’ 1.4133.

L-ewro kontra l-isterlina kellu sessjoni qawwija u tela’ għall-ogħla livell tal-ġimgħa madwar 0.8630 b’reazzjoni għall-aħħar aħbarijiet dwar Brexit.

L-investituri, madankollu, huma mistennija jibqgħu kawti għalissa sakemm joħorġu ċ-ċifri tal-inflazzjoni fl-Istati Uniti u tittieħed deċiżjoni dwar ir-rata tal-interessi mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Indiċi

Analist magħruf qal li s-suq tal-indiċi qed ikompli miexi b’pass mgħaġġel għaliex għal din is-sena 2021 huwa importanti li ma jkunx hemm aktar telf għaliex m’hemmx alternattiva oħra.

Fil-fatt tassew li m’hemmx alternattiva f’dinja ta’ rata żero meta kienu l-banek ċentrali globali nfushom li daħlu f’din is-sitwazzjoni u fil-proċess wasslu biex is-suq tal-indiċi jikber tant li ma jistax ifalli.

Sadanittant l-indiċi tal-istokks ewlenin kienu kemmxejn negattivi llum fejn kien biss il-CAC40 ta’ Franza li ra qligħ. L-indiċi lokali għalaq b’tibdil minimu ħafna.

Ishma

Illum ġie rreġistrat qligħ qawwi fl-ishma MIDI b’żieda ta’ aktar minn 16%. Ħafna aktar mill-qligħ li għamlu l-ishma fit-tieni u fit-tielet post ta’ 1.82% u 0.59% rispettivament.

Kien hemm żewġ ishma li niżlu 1.5% kull wieħed filwaqt li Maltapost tilfu 4%.

Bonds

Il-Bonds ta’ Melite Finance 2028 iggwadanjaw aktar minn 7% illum. L-istess bħalma ġara fil-każ tal-ishma, il-qligħ li għamlu bonds oħra kien wisq inqas minn dak ta’ Melite Finance.

IHI, MIH u 1923 Investments żiedu bejn nofs punt perċentwali u punt perċentwali. Min-naħa l-oħra l-bonds tal-IHI u Mediterranean Maritime Hub tilfu 0.74% u 1.48% rispettivament.

Prodotti essenzjali

Id-deheb illum kellu jum inċert u għadda minn qligħ minimu għal telf żgħir madwar il-livell ta’ $1,895 fis-sessjoni tal-lum.

L-investituri jidhru li ma jridux jinvestu b’mod aggressiv u jippreferu jistennew għal katalist ġdid meta joħorġu ċ-ċifri tal-inflazzjoni fl-Istati Uniti.

Din għandha tkun biċċa informazzjoni importanti oħra li tagħti ritmu għal-laqgħa tal-FOMC li se ssir mill-15 sas-16 ta’ Ġunju u se jkollha rwol importanti biex tiġi ddeterminata d-direzzjoni li se jieħu d-deheb.

Dan it-tagħrif finanzjarju kien miġbur minn BNF Bank.