X

L-Amerka bl-akbar żieda annwali fil-pagi li qatt esperjenzat f’9 snin

Muniti

Id-Dollaru bata biex jibni fuq iż-żidiet tal-ġimgħa li għaddiet waqt li l-investituri marru għal assi riskjużi mmexxija mill-muniti Skandinavi, inkorraġuti minn waqgħa fid-dħul tal-bonds f’pajjiżi periferali fl-Ewropa bħall-Italja.

Muniti meqjusa bħala siguri fl-Ewropa bħall-Frank Żvizzeru li tilef nofs punt perċentwali kontra l-Ewro hekk kif waqa’ d-dħul mill-bonds Taljan minħabba tamiet li l-gvern il-ġdid ser ikun prudenti fil-politika fiskali tiegħu.

Kollox ma’ kollox id-Dollaru ra l-akbar waqgħa fi kważi sitt ġimgħat hekk kif l-investituri sarrfu l-profitti minn irkupru li raw lid-Dollaru jikseb aktar minn 6% żieda minn meta beda t-tħassib dwar il-kummerċ.

It-tkabbir fl-impjiegi fl-Istati Uniti aċċellera matul Awwissu u l-pagi raw l-akbar żieda annwali f’aktar minn disa’ snin u dan kabbar il-prospetti ta’ żieda fir-rati tal-interessi aktar malajr mill-Federal Reserve.

L-Ewro wera żieda ta’ 0.26% għal $1.1581. Il-munita unika żdiedet ukoll b’0.03% kontra d-Dollaru Awstraljan; b’0.44% kontra d-Dollaru Kanadiż; b’0.25% kontra l-Yen u b’0.74% kontra l-Frank Żvizzeru. Il-munita unika ma wriet ebda ċaqliq kontra l-Isterlina.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa żdiedu hekk kif żdied il-prezz tal-ishma bankarji, għalkemm setturi esposti għall-kummerċ bħall-karozzi sofrew wara li l-President Trump kabbar it-tilwima maċ-Ċina.

Il-FTSE 100 żdied b’0.19%; l-iSTOXX 50 b’0.82%; id-DAX b’0.50% u l-CAC 40 b’0.65%.

Id-Dow Jones fetaħ 0.39% ogħla waqt lil-indiċi Malti tilef 0.185%.

Ishma

 Fil-qasam tal-ishma lokali, it-Trident Estates u l-Bank of Valletta żdiedu b’aktar minn 0.30% bit-Trident Estates juri l-akbar żieda ta’ 1.50% biex għalqu €1.35. Il-GO baqa’ bla bidla waqt li l-HSBC Bank Malta; l-RS2 Software, il-Malta Properties u l-PG tilfu aktar minn 0.50%.

Bonds

 Fil-bonds lokali, il-Medserv 2020/23, is-6PM Holdings 2025 u l-Bank of Valletta 2019 żdiedu bi 2.69%, 0.50% u 0.01% rispettivament.

AX Investments 2024 u l-Van der Heyden Group Finance 2024 baqa’ bla ċaqliq. Il-Hili Finance Company 2023 u Simonds Farsons Cisk 2027 tilfu 0.09% u 0.10% rispettivament.

Il-prezzijiet  taż-żejt żdiedu hekk kif waqaf it-tħaffir mill-Istati Uniti u l-investituri qed jantiċipaw inqas provvista wara d-dħul tas-sanzjonijiet kontra l-Iran f’Novembru.

Il-Brent żdied b’0.39% għal $77.31 waqt li l-U.S. light crude wera żieda ta’ 0.46% għal $68.06.

Il-prezz tad-deheb tbaxxa b’0.22% għal $1193.69 waqt li l-fidda tilfet 0.09% għal $14.17.

rg :