Barranin
L-approvazzjoni tar-Renju Uniti għall-vaċċin kontra l-Covid-19 tat spinta u tamiet għall-irkupru f’bosta swieq

Muniti

Id-dollaru llum ħareġ b’diffikultà mill-anqas rata f’sentejn u nofs hekk kif l-investituri studjaw iċ-ċansijiet ta’ stimulu fiskali ieħor fl-Istati Uniti waqt li naqas l-irkupru fil-muniti aktar riskjużi. L-Isterlina tbaxxiet taħt id-$1.34 bir-Renju Uniti u l-Unjoni Ewropea resqin sewwa lejn il-mument ta’ deċiżjoni l hawn jew lil hinn dwar ftehim kummerċjali u baqgħu d-dubbji dwar jekk jistax jintlaħaq ftehim. Kontra l-ewro, l-Isterlina tilfet kważi 1%, bidla qawwija fis-swieq tal-kambju għal jum wieħed.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin fid-dinja kienu qrib livell għoli rekord u d-dollaru inqata’ mill-inqas livell f’sentejn u nofs hekk kif l-investituri qiesu l-ewwel approvazzjoni ta’ vaċċin kontra l-coronavirus u l-prospetti ta’ aktar stimulu ekonomiku kontra dejta diżappuntati dwar l-impjiegi fl-Istati Uniti.

L-ishma fl-Ewropa tbaxxew għax l-investituri ħadu pawsa wara żieda ta’ kważi 14% ix-xaħar li għadda, waqt li l-ishma fil-BioNTech żdiedu wara li r-Renju Unit sar l-ewwel pajjiż li approva l-vaċċin tal-kumpanija kontra l-Covid-19 li żviluppat mal-Pfizer. L-indiċi lokali kellu żieda ta’ 2%.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, il-Bank of Valletta illum kellhom żieda qawwija ta’ 12% segwiti minn żidiet qawwija ukoll mill-kompetitur ewlieni, l-HSBC, li iżda kienu n-nofs tal-Bank of Valletta. L-ishma tal-MIDI tal-Malta Properties Company żdiedu 2%. Il-BMIT Technologies avvanzaw 0.83%. Il-Malta International Airport tilfu kważi l-istess perċentwal u Simonds Farsons Cisk tbaxxew bi 2.50%.

Bonds

Fis-settur tal-bonds lokali, illum kienu mħalta iżda mxaqilba aktar lejn il-pożittiv hekk kif il-Medserv żdiedu 3% u l-Best Deal Properties avvanzaw 2%. Il-bonds tal-Mercury Projects, l-International Hotel Investments u l-Von der Heyden Group żdiedu bejn il-1.50% u t-2%.

F’territorju negattiv kien hemm it-Tumas Investments u l-Premier Capital li tilfu bejn 2% u 3%.

Il-prezzijiet taż-żejt illum żdiedu hekk kif is-suq qed jistennew ftehim mill-produtturi dwar il-produzzjoni u l-approvazzjoni mir-Renju Uniti tal-vaċċin kontra l-Covid-19 tat spinta lit-tamiet għal irkupru fid-domanda. Il-prezzijiet bil-quddiem għaż-żejt kienu qed juru żieda bejn nofs punt perċentwal u punt perċentwal sa waranofsinhar. Id-deheb illum kien pożittiv bil-fidda negattiva, għalkemm il-prestazzjoni negattiva tista’ tkun attribwita lil xi bejgħ biex jittieħed il-profitt wara r-riżutati tajbin tal-bieraħ.