Lokali
L-Euro jitlef fil-valur, id-dollaru Amerikan jissaħħaħ

Muniti

Ir-rata tal-ewro waqgħet għal $1.1925 matul in-negozju f’Londra, l-inqas f’xahrejn, hekk kif id-dollaru kompla jissaħħaħ wara d-deċiżjoni tal-Federal Reserve.

Dan issorprenda lill-investituri billi ppospona ċ-ċansijiet ta’ żieda fir-rati tal-interessi waqt li fl-istess ħin kabbar it-tbassir tiegħu dwar it-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni.

L-aħbar sostniet lid-dollaru iżda ftit kellha effett fuq l-ishma.

L-indiċijiet tilfu xi ftit għax jidher li l-investituri kienu diġà ħasbu dwar politika monetarja aktar riġida.

L-ewro tilef kontra l-yen iżda żdied kontra l-Frank Żvizzeru li dan l-aħħar kien dgħajjef ħafna.

Indiċi

Wara li tbaxxew ilbieraħ wara d-deċiżjoni tal-Federal Reserve dwar il-politika monetarja, l-indiċijiet ewlenin tal-ishma fl-Istati Uniti fetħu bi ftit li xejn bidla.

Iżda fit-tieni siegħa d-Dow Jones kien qed jitlef madwar 0.3%. Il-FTSE 100 segwa lid-Dow Jones.

Għall-bqija tal-Ewropa kienu sessjoni b’bidliet negliġibli. It-Topix tbaxxa waqt li dak lokali kellu jum pożittiv.

Ishma

L-attività fl-ishma lokali llum ma tantx kienet kbira bi tliet ishma jibdlu il-prezz f’territorju pożittiv.

Il-MIDI żdiedu bi 23%. L-HSBC avvanzaw bi 3% u l-Maltapost b’0.84%.

Bonds

Fil-bonds lokali, il-Hili Properties u d-Dizz Finance kellhom bidla ta’ nofs punt perċentwali f’territorji opposti.

Il-Bortex 2027 tilfu 1% waqt li l-Hili Finance Company 2028 tilfu kważi 2%.

Prodotti essenzjali

Il-prezz tad-deheb reġa’ tilef fin-negozju bikri fl-Amerika ta Fuq u tbaxxa lejn l-$1,775, l-inqas mill-5 ta Mejju.

Id-dollaru Amerikan kompla jiżdied wara l-laqgħa tal-Federal Reserve u żdied għall-ogħla rata f’xahrejn.

Din għalhekk kienet ir-raġuni ta’ inkwiet għal prodotti denominati fid-dollaru fosthom id-deheb.

Il-fidda kellha daqqa akbar b’telf ta’ aktar minn 3%.

Dan it-tagħrif kien miġbur mill-BNF Bank.