Barranin
L-ewro b’titjib hekk kif il-President Trump aċċetta t-tranżizzjoni għall-presidenza ta’ Joe Biden

Muniti

Id-dollaru Awstraljan żdied għall-ogħla livell f’xahrejn u nofs u l-ewro tjieb hekk kif il-President Trump aċċetta t-tranżizzjoni għall-presidenza ta’ Joe Biden li mistennija tinkludi dik li kienet President tal-Federal Reserve Janet Yellen bħala Segretarju tat-Teżor.

Is-sentiment favur assi aktar riskjużi kien evidenti b’mod ġenerali. L-ishma għolew u żdied il-prezz taż-żejt hekk kif il-progress dwar il-vaċċin kontra l-Covid-10 saħħaħ l-ishma fl-Istati Uniti, u kabbar l-ottimiżmu dwar irkupru aktar malajr fl-ekonomija globali. Id-domanda għal assi aktar riskjużi żamm lill-Isterlina qrib l-ogħla rata f’xahrejn li laħqet fil-jum ta’ qabel, bl-investituri qed jittamaw ukoll li t-taħditiet ta’ din il-ġimgħa dwar Brexit jirriżultaw fi ftehim.

Indiċi

Wall Street fetħet ogħla hekk kif il-permess formali għat-trażizzjoni tal-President elett Biden lejn il-White House temm ġimgħat ta’ inċertezza politika, waqt li l-kumpanija Tesla żdiedet bi 3.3% biex taqbeż il-$500 biljun f’kapitalizzazjoni għall-ewwel darba.

Id-Dow Jones żdied 1% sa waranofsinhar ħin lokali, nofs siegħa biss wara l-ftuħ. L-ishma fl-Ewropa baqgħu qrib l–ogħla prezzijiet fi tmien xhur hekk kif il-possibiltà ta’ illaxkar fir-restrizzjonijiet fi Franza żiedet mas-sentiment minħabba l-iżviluppi inkorraġanti dwar il-vaċċin.

It-Topix tal-Ġappun kien l-aħjar li mar b’żieda ta’ aktar minn 2%. Iżda b’modġenerali kien jum tajjeb bl-indiċijiet kollha jiżdiedu 1% jew aktar. Anke l-indiċi tal-Borża ta’ Malta llum kien pożittiv.

Ishma

Kien jum pożittiv għall-ishma lokali għax l-ebda wieħed minn dawk negozjati ma tilef fil-valur. Kien hemm żiedet qawwija minn MIDI bi kważi 12%, ferm aktar minn ishma oħrajn. Imbagħad kien hemm il-BMIT Technologies, il-Lombard Bank Malta, il-GO u l-Malta Properties Company li kollha żdiedu ftit aktar minn 2%. Il-Malta International Airport żdiedu kważi 1%.

Bonds

Il-bonds lokali wkoll kienu pożittivi iżda t-tnaqqis fit-Tumas Investments u l-SP Finance illimita l-ottimiżmu. It-Tumas Investments u l-SP finance tilfu bejn 2% u 3%. Il-Hili Properties 2025 u t-Tum Finance żdiedu aktar minn 2% Bil-bonds tal-APS, AX investments u Corinthia Finance jiżdiedu aktar minn 1% kull wieħed.

Il-prezz taż-żejt laħaq l-ogħla livell minn Marzu, u resaq lejn is-$47 kull barmil, hekk kif it-tielet vaċċin promettenti kontra l-coronavirus xpruna t-tamiet ta’ rkupru fid-domanda waqt li l-President elett Joe Biden ingħata l-permess biex jibda t-tranżizzjoni. Id-deheb u l-fidda tilfu 2% kull wieħed.