Barranin
L-ewro jitħabat biex iżomm qrib l-inqas rata fi tliet snin

Muniti

L-ewro tħabat biex żamm qrib l-inqas rata fi tliet snin hekk kif l-investituri huma mħassba dwar it-tnaqqis fit-tkabbir fir-reġjun, waqt li l-isforzi Ċiniżi biex jillimitaw il-ħsara mill-coronavirus jidher li qed jikkalmaw is-swieq, bil-yuan u d-dollaru Awstraljan jiżdiedu.

Nhar it-Tnejn ftit li xejn joħorġu rapporti ekonomiċi, iżda l-investituri qed jiffokaw fuq l-istatistika dwar is-sentiment tan-negozju Ġermaniż mistennija għada, u l-istatistika dwar il-manifattura għal aktar ħjiel dwar is-saħħa tal-ekonomija taż-żona tal-ewro. L-istatistika tal-ġimgħa li għaddiet wriet b’mod partikolari li l-momentum fil-Ġermanja, l-akbar mutur ekonomiku tar-reġjun, kien qed jitħabat.

L-ewro żdied għal $1.084 fin-negozju bikri tal-lum iżda ftit qabel kienet tbaxxiet għal $1.0817, l-inqas min-nofs l-2017. Il-munita tilfet 2.3% tal-valur kontra d-dollaru sa issa matul Frar.

L-isterlina tilfet aktar minn 0.2% kontra d-dollaru, u b’hekk tilfet xi ftit miż-żidiet tal-ġimgħa li għaddiet meta l-ħatra ta’ ministru tal-finanzi ġdid Ingliż fetħet tamiet li l-gvern ser iżid in-nefqa pubblika fil-baġit tax-xahar id-dieħel.

Indiċi

L-ishma Ewropej laħqu livelli għolja record, bl-ishma tal-karozzi fuq quddiem fost tentattivi ġodda miċ-Ċina biex tillimita l-impatt ekonomiku tal-imxija tal-coronavirus.

Ladarba bosta kumpaniji Ewropej, fosthom dawk tal-karozzi, jiddependu fuq iċ-Ċina bħala parti mill-katina ta’ provvista, is-swieq lokali aktarx li jilqgħu bil-ferħa kull stimulu ġdid ekonomiku. Iċ-Ċina baxxiet ir-rati tal-interessi hekk kif qed titħabat biex tillimita l-impatt ekonomiku mill-virus li diġa qatel aktar minn 1,700 persuna fil-pajjiż. L-attività ekonomika mistennija li tkun ħafifa llum minħabba btala pubblika fl-Istati Uniti.

Stocks Lokali

Is-suq tal-ishma lokali llum kien imħallat bil-Grand Harbour Marina jitilfu 16.70%. Il-Maltapost tilfu 2.99%, il-Bank of Valletta b’0.94% u l-Lombard Bank Malta b’0.88%. F’territorju pożittiv kien hemm il-PG b’żieda ta’ 1.52% għal €2.00. Il-Malta Properties Company żdiedu bi 2.24% u l-RS2 Software bi 2.46%.

Bonds Lokali

Fis-sessjoni tal-bonds lokali, il-Merkanti Holding 2026 tilfu 0.68%, il-Bank of Valletta 2030 tilfu 0.50%, l-AX Group 2026 L-Ewwel Serje b’0.47%. F’territorju pożittiv kienu l-GAP Group 2023 b’0.39%, l-iStivala Group Finance 2029 b’0.48%, il-Corinthia Finance 2026 b’ 0.82% u l-Hili Finance Company 2028 b’1.11%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt ftit li xejn inbidlu għax it-tħassib dwar l-impatt ekonomiku mill-coronavirus fiċ-Ċina kien ibbilanċjat minn tamiet li t-tnaqqis fil-produzzjoni mill-produtturi ewlenin jista’ jnaqqas il-provvista.

Il-prezzijiet tad-deheb tbaxxew minn qrib l-ogħla prezzijiet f’ġimagħtejn, hekk kif l-intervent fil-politika monetarja mill-bank ċentrali Ċiniż biex jillimita l-effett ekonomiku tal-virus assigura mill-ġdid lill-investituri u kabbar id-domanda għal assi b’riskju akbar.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Id-dollaru kien riesaq lejn l-akbar waqgħa f’ġimgħa f’aktar minn 10 snin hekk kif sensiela ta’ miżuri ta’ stimulu madwar id-dinja, inklużi $2 Triljun mill-Istati Uniti, għenu biex naqqsu t-tħarbita fis-swieq…

Barranin

Muniti Id-dollaru tbaxxa għall-inqas rata f’ġimgħa kontra grupp ta’ muniti wara li dejta wriet żieda bla preċedent fl-Amerikani li marru jirreġistraw għal benefiċju tal-qgħad, hekk negozji madwar il-pajjiż qed jagħluq…

Barranin

Muniti Id-dollaru tilef illum wara li l-politiċi qablu dwar pakkett ta’ stimulu ta’ $2 Triljun li kkalma n-nervi tas-swieq finanzjarji u wassal biex l-investituri jixtru lura muniti aktar riskjużi. Id-dollaru…

Lokali

Din hi ħarsa ħafifa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum it-Tlieta 24 ta’ Marzu 2020. L-Orizzont Fl-ewwel paġna tal-ġurnal l-Orizzont nsibu storja li tgħid li l-għajnuna tal-Gvern lill-intrapriżi se tiżdied. Il-gazzetta…

Aktar