Barranin
L-ewro jiżdied qrib l-ogħla rata fi tliet xhur

Muniti

L-ewro żdied qrib l-ogħla rata fi tliet xhur wara li d-dollaru bla mistenni tbaxxa minħabba stennija ta’ aktar stimulu monetarju mill-Istati Uniti u tisħiħ fl-irkupru fi bnadi oħra li saħħew il-muniti riskjużi. Waħda mill-muniti ta’ min isegwi huwa d-dollaru ta’ New Zealand li jinsab riesaq lejn l-ogħla rata minn Ġunju 2018. Il-Bitcoin telgħet għall-prezz rekord ta’ $19,918. L-investituri qed jistennew ukoll li din taqbeż l-€20,000.

L-isterlina qabżet id-$1.34 għall-ewwel darba fi tliet xhur u anke żdiedet kontra l-ewro, hekk kif il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji baqgħu ottimisti li ftehim kummerċjali għal wara Brexit jista’ jintlaħaq din il-ġimgħa minkejja nuqqas ta’ progress tanġibbli fin-negozjati.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin f’Wall Street fetħu ogħla għax statistika aħjar milli mistennija dwar il-produzzjoni fiċ-Ċina u t-tamiet li l-vaċċin tal-Covid-19 ser jinħareġ qabel l-aħħar tas-sena kabbru t-tamiet ta’ rkupru ekonomiku mgħaġġel. L-indiċi ewlieni tal-Kanada fetaħ ogħla wara statistika li wriet li l-ekonomija kibret b’pass record fit-tielet kwart u hekk kif l-kumpaniji farmaċewtiċi qed ifittxu approvazzjoni malajr tal-vaċċin tal-Covid-19 tagħhom.

L-ishma fl-Ewropa għamlu ftuħ pożittiv għal Diċembru wara ż-żidiet rekord matul Novembru, bl-ottimiżmu dwar il-vaċċin isaħħaħ il-każ ta’ rkupru ekonomiku. L-indiċi lokali irreġistra żieda qawwija, u avvanza kważi 6% hekk kif l-ishma kollha negozjati kellhom żidiet tajba ferm.

Shares

Żidiet qawwija kienu reġistrati fl-ishma tal-MIDI, International Hotel Investments, HSBC u SimondsFarsons Cisk. Il-MIDI u l-International Hotel Investments żdiedu b’20% jew aktar waqt li l-HSBC u Farsons żdiedu b’aktar minn 10%. Il-Malta International Airport u l-FIMBANK it-tnejn wrew żieda ta’ 7%, bil-Lombard juri żieda ta’ 4%. Kien hemm ukoll żieda fil-prezzijiet tal-Bank of Valletta, l-RS2 Software, il-Malta Properties Company, il-GO u l-BMIT Technologies.

Bonds

Il-bonds lokali kienu bbilanċjatia aktar għalkemm il-movimenti kienu ukoll qawwija. Il-bonds tal-Phoenicia avvazaw 4%, it-Tumas Investments żdiedu 2 ½ %. L-iStivala Group u l-Bank of Valletta żdiedu 1.71% u 0.79% rispettivament. F’territorju negattiv kien hemm il-MeDirect u l-MIDI li tilfu aktar minn 1% waqt li l-Best Deal Properties tbaxxew qrib it-3%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew hekk kif l-investituri stennew direzzjoni mill-OPEC u l-alleati tagħha wara li pprosponew laqgħa formali biex jiddeċiedu jekk għandhomx iżidu l-produzzjoni minn Jannar. Il-metalli prezzjużi kellhom ukolll jum pożittiv bil-fidda tiżdied aktar mid-deheb.