Barranin
L-ewro kompla jitbaxxa fost tħassib dejjem jikber dwar il-coronavirus fl-UE

Muniti

L-ewro kompla jitbaxxa taħt id-$1.19 fost tħassib dejjem jikber dwar il-coronavirus fl-Unjoni Ewropea. Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel ikkonfermat estensjoni tal-lockdown sat-18 t’April.

Id-dollaru Amerikan issaħħaħ f’sentiment tas-suq li qed jeħżien, hekk kif l-attenzjoni ddur għad-diskors taċ-Ċermen tal-Federal Reserve, Jerome Powell.

Id-dollaru llum issaħħaħ bil-kbir hekk kif kiber is-sentiment kontra r-riskju. Id-dollaru żdied kontra rivali li joffru dħul kbir u tilef kontrta dawk meqjusa bħala siguri, hekk kif l-ishma batew u d-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan irtira.

Indiċi

Fit-Turkija baqa’ l-bejgħ qawwi tal-ishma, partikolarment dawk relatati mal-bank, wara li l-President Erdogan keċċa lill-kap tal-bank ċentrali matul tmiem il-ġimgħa.

L-indiċi fl-Ewropa wkoll ħassew id-daqqa, għalkemm kienu qed jinnegozjaw ‘il bogħod mill-inqas livelli tal-jum u rnexxielhom jirkupraw it-telf, u sa kmieni wara nofsinhar anke daħlu f’territorju pożittiv, fit-tieni jum ta’ negozju simili… telf qawwi fil-bidu tas-sessjoni biex din tintemm pożittivament.

L-indiċi fl-Istati Uniti, il-Ġappun u r-Renju Unit kienu negattivi, waqt li fl-Ewropa jidher li kienu ser jagħlqu f’territorju pożittiv. L-indiċi ta’ Malta wera żieda.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, iż-żewġ banek ewlenin illum irnexxielhom jirreġistraw żieda ta’ aktar minn 2%. BMIT Technologies avvanzaw 1%. L-ishma tal-Lifestar tilfu 2% waqt li l-Medserv tilfu 8%.
Bonds

Kienet ġurnata attiva u aktarx bilanċjata fis-sessjoni tal-bonds lokali bil-Mediterranean Investments Holdings jiżdiedu 3% u l-Mariner Finance jitilfu 3%.

Bejniethom f’territorju pożittiv kien hemm il-Hili, Shoreline, Tum Finance waqt li f’territorju negattiv kien hemm is-Central Business Centres u l-Hili Finance 2028.

Prodotti Essenzjali

Restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar u domanda għall-fjuwil aktar dgħajfa jidher li qed ikollhom effett fuq il-prezz tal-fjuwil b’telf ta’ 3% u 4%.