Barranin
L-ewro kompla nieżel, il-prezzijiet taż-żejt komplew telgħin

Muniti

L-ewro kompla nieżel hekk kif stħarriġ tal-ADP wera li s-settur privat żied 978,000 impjieg ġdid f’Mejju, ħafna aħjar minn dak antiċipat.

It-taħditiet għandhom piż fuq il-muniti li b’hekk qed iżidu d-domanda għad-Dollaru Amerikan.

Il-Federal Reserve tal-Istati Uniti ħabbret nhar l-Erbgħa li se tibda tnaqqas parti mill-programmi maħsuba biex jappoġġjaw l-ekonomija matul il-pandemija.

Wara li żammew il-pressjoni matul l-ewwel nofs tal-jum, id-dollaru Awstraljan u d-dollaru Amerikan żiedu t-tnaqqis tagħhom għall-aktar livell baxx f’dawn l-aħħar ħamest ijiem.

Indiċi

Kif diġà ssemma aktar kmieni, it-taħditiet dwar it-tnaqqis tal-programmi ta’ appoġġ kellhom piż fuq l-indiċi tant li d-Dow Jones fetaħ b’nofs punt perċentwali inqas mill-aħħar sessjoni.

L-indiċi Ewropej ukoll kellhom reazzjoni li waslet għal telf. Il-Ġappun ma ħassx din il-pressjoni, wisq probabbli, minħabba d-differenza fil-ħin tas-sessjonijiet.

Topix għalaq 0.84% aktar. L-indiċi lokali għalaq kważi wieħed fil-mija ogħla mis-sessjoni preċedenti.

Ishma

L-ishma llum kellhom jum pożittiv bis-seba’ ishma ewlenin li ġew negozjati b’ħamsa jaraw żieda u tnejn telf. IHI kellu l-akbar qligħ b’4.62%.

L-ishma ta’ Mapfre kisbu 3.5% u segwew BOV u BMIT b’żieda ta’ 2%. Is-sidien ta’ Harvest technology temmew il-jum bl-investiment tagħhom jara żieda ta’ 0.65%.

Min-naħa l-oħra, l-ishma ta’ Fimbank tilfu 1.6% u Malita Inv tilfu kważi 3.5%.

Bonds

Is-sessjoni tal-Bonds illum kienet kemmxejn imħallta bi tlieta li raw qligħ u erbgħa telf. Madankollu il-qligħ kien ħafna akbar mit-telf tant li Eden Finance raw żieda ta’ 2.66% kontra l-bonds ta’ 1923 investments bonds li kellhom l-ikbar telf ta’ 0.5%.

Il-bonds ta’ MIH u Merkanti żiedu 1.5% mal-valur tagħhom. Kien hemm ukoll telf żgħir għal IHI u APS Bank filwaqt li Von Der Heyden Group ra ftit aktar telf.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt komplew telgħin u laħqu l-ogħla livelli għall-2021 bil-prezz ta’ $71.5 kull barmil.
Il-prezz tad-deheb baqa’ nieżel waqt is-sessjoni fl-Istati Uniti u issa jinsab fil-livell ta’ $1,877.

Dawn l-aħbarijiet finanzjarji kienu miġbura minn BNF Bank.