Barranin
L-ewro kontra d-dollaru tela’ għall-ogħla livell minn Frar

Muniti

L-ewro kontra d-dollaru tela’ għal 1.2233, l-ogħla livell sa minn Frar hekk kif żamm b’saħħtu u issa qed jagħmel pressjoni qabel il-ftuħ ta’ Wall Street.

Id-dollaru niżel hekk kif uffiċjali tal-Federal Reserve affermaw mill-ġdid l-impenn li jżommu l-politika monetarja libera tagħhom minkejja pressjonijiet dejjem akbar minħabba l-inflazzjoni.

L-Ewropa ppubblikat reviżjoni tal-ewwel tliet xhur tal-Prodott Domestiku Gross li kien simili għall-istimi ta’ -0.6% meta mqabbel mal-istess perjodu. Il-qari annwali baqa’ bla tibdil f’livell ta’ -1.8%.

L-isterlina kontra d-dollaru qed tkabbar il-qligħ u laħqet 1.42, l-ogħla livell minn Frar. Ir-rata tal-qgħad niżlet bla mistenni għal 4.8%. Id-dollaru qed iżomm kemmxejn lura fl-isfond ta’ suq pożittiv.

Indiċi

L-indiċi tal-Istati Uniti u dawk Ewropej kienu kemmxejn negattivi llum u kienu biss l-indiċi tar-Renju Unit u tal-Ġappun li raw ftit qligh. Iċ-ċaqliq kien bejn wieħed u ieħor ta’ 0.2% sew għal qligħ u sew għat-telf.

L-unika eċċezzjoni kien Topix, l-indiċi Ġappuniż li ra qligħ ta’ 1.54%. L-indiċi lokali tilef 0.18% minħabba t-telf li għamlu tliet ishma.

Ishma

Harvest technologies kienu l-uniċi ishma li raw qligħ b’1.32% fuq is-sessjoni ta’ qabel. L-ishma ta’ HSBC, BMIT u Main Street ilkoll tilfu madwar 2%. GO, MIA u MPC ġew innegozjati bla ebda tibdil.

Bonds

Il-bonds kienu ftit aktar pożittivi, fejn erbgħa kellhom qligħ kontra tlieta li raw tnaqqis. L-aħjar bonds kienu dawk ta’ SP Finance li għalqu s-sessjoni b’żieda ta’ 3.5%. Izola bank żiedu 2 ½% filwaqt li Mediterranean Maritime Hub u MIH kisbu 1 ½ fil-mija. Min-naħa l-oħra, Medserv tilfu 1%, u l-bonds ta’ IHI bonds li jimmaturaw fl-2026 u fl-2025 rispettivament tilfu 2.45% u 2.86% rispettivament.

Prodotti Essenzjali

Il-prezz tad-deheb daħal f’fażi ta’ konsolidament pożittiv wara li għal darb’oħra ġie miċħud fuq l-$1870. Il-prezz tad-deheb ma ġiex affettwat mis-sitwazzjoni tad-dollaru Amerikan hekk kif hemm stennija għall-Federal Reserve.