Barranin
L-ewro mistenni jirkupra jekk titjieb il-kampanja ta’ tilqim

Muniti

Matul Marzu l-ewro tbaxxa kontra d-dollaru minn $1.2093 għal $1.1737. Skont ekonomisti ewlenin wieħed iħares ‘il quddiem u l-ewro għandu jirkupra fit-tielet kwart tas-sena jekk titjieb il-kampanja ta’ tilqim. Il-Kummissjoni Ewropea kellha konferenza fid-19 ta’ Marzu biex tirrisolvi l-kwistjoni tal-kampanja ta’ tilqim.

Il-Kummissarju tas-Suq Intern, Thierry Breton qal li l-kapaċità li qed tikber tal-Unjoni Ewropea ser tfisser produzzjoni ta’ bejn żewġ u tliet biljun doża kukll sena u l-abbiltà li tlaqqam 70% tal-adulti sa tmien is-sajf.

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea sab li l-provvista kienet il-problema ewlenin u ssuġerixxa progress aħjar ‘il quddiem. Il-munita unika kellha appoġġ qawwi wara rapport li l-Unjoni Ewropea tista’ tilħaq il-mira tat-tilqim ferm qabel ma kien ippjanat – sa tmiem Ġunju. Barra minn dan, xi bejgħ qawwi tal-isterlina pprovda tama għall-ewro mal-munita Ingliża.

Indiċi

Wara li kellu żidiet impressjonanti u laħaq livell għoli rekord ilbieraħ, id-Dow Jones fetaħ aktar baxx illum għax jidher li xi investituri qed jieħdu l-opportunità li jieħdu l-profitt. Waranofsinhar id-Dow Jones kien qed jitlef 0.21%. Fost il 11-il setturi ewlieni, l-indiċi tal-enerġija żdied b’1.23% sostnut minn żieda ta’ aktar minn 2% fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum.

Min-naħa l-oħra, l-Utilitajiet u l-Bini tbaxxew b’0.7% u 0.5% rispettivament. Kmieni fil-jum, il-Fond Monetarju Internazzjonali żied il-prospetti għat-tkabbir ekonomiku mondjali għal 6% din is-sena minn 5.5% fit-tbassir ta’ Jannar mmexxi minn irkupru sod fl-ekonomija tal-Istati Uniti. L-indiċi lokali żdied 0.7%.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, l-International Hotel Investments kellhom jum tajjeb b’żieda ta’ ‘l fuq minn 8.50%. Il-Malta Properties Company u t-Trident Estat kellhom jum tajjeb ukoll b’żieda ta’ aktar 3%. F’territorju negattiv kien hemm l-HSBC, il-Lifestar u l-RS2 Software b’telf bejn il-1.23% u t-2.22%. L-akbar telf kien ta’ qrib l-4 % fil-Malita Investments.

Bonds

Il-bonds kellhom jum pożittiv b’sitt bonds juru żieda u wieħed telf. L-iStivala żdiedu qrib it-3%, segwiti mill-Corinthia u l-Me Direct b’avvanz ta’ 2.5% u 2% rispettivament. It-Tum Finance u l-Grand Harbour Marine segwew mill-qrib bi ftit inqas minn 2%. L-SP Finance tilfu kważi 2%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat komplew jilħqu livell għolja ġodda matul l-ewwel nofs tas-sessjoni Ewropea, b’investituri aggressivi qed jistennew li jieħdu opportunità ‘l fuq minn $60 kull barmil. Il-prezzijiet bil-quddiem wrew żieda ta’ 2%.

Iż-żejt irnexxielu jkompli bil-mixja pożittiva u rkupra parti mit-telf qawwi tal-bieraħ lejn l-inqas livell f’ġimagħtejn, madwar is-$57.60. Tħassib mill-ġdid dwar żieda fil-provvista naqas fost tneħħija ta’ aktar restrizzjonijiet fir-Renju Unit u data ekonomika b’saħħitha mill-Istati Uniti.

Id-deheb żamm iż-żidiet modesti matul is-sessjoni Ewropea u kien qrib lejn l-ogħla prezz f’ġimagħtejn, ftit ‘il fuq minn $1,735. Sentiment ta’ riskju ġeneralment aktar moderat, flimkien ma’ dħul inqas mill-bonds tat-Teżor Amerikan estendew xi appoġġ lid-deheb. Madakollu żieda fid-domanda għad-dollaru żammet lura lill-investituri milli jixtru bil-kbir u dan jista jillimita ż-żieda fil-prezz tad-deheb.