BarraninLokali

L-ewro nnegozjat qrib l-ogħla rata f’14-il xahar

Muniti

L-ewro llum kien qed jiġi nnegozjat qrib l-ogħla rata f’14-il xahar u riesaq lejn l-aħħar tliet xhur tas-sena fi kważi seba’ snin. Huwa kien mgħejjun minn stennija li l-Bank Ċentrali Ewropew qed iħejji biex inaqqas l-istimulu monetarju.

L-Isterlina żdiedet b’aktar minn 2.23%  kontra d-Dollaru Amerikan din il-ġimgħa għal $1.3021 wara indikazzjonijiet minn diversi uffiċjali tal-Bank of England li aktarx ikollhom jissikkaw il-politika monetarja quddiem inflazzjoni li qed tiżdied. Il-Gvernatur tal-Bank, Mark Carney, li deher li qed jargumenta kontra dan fl-aħħar laqgħa tal-Bank, tkellem favur żieda fl-imgħax waqt diskors nhar l-Erbgħa fil-Portugall.

Id-Dollaru Awstraljan tela’ għall-ogħla rata fi tliet xhur illum u riesaq lejn l-aħjar ġimgha minn Marzu, appoġġjat minn stħarriġ li juri tkabbir tajjeb ħafna fis-settur tal-manifattura fiċ-Ċina li wħud l-aktar sieħeb kummerċjali tal-pajjiż.

Indiċi

Kien hemm bejgħ qawwi din il-ġimgħa fis-swieq finanzjarji fl-Istati Uniti, partikularment fl-istokks tat-teknoloġija, li ħafna qed jiddubitaw dwar il-valutazzjoni qawwija tagħhom.

L-istokks Ewropej fetħu aktar baxxi llum hekk kif l-investituri globali qed jippruvaw jilħqu mal-bejgħ qawwi fl-istokks tat-teknoloġija u ma’ dak li jista’ jkun kejl ġdid tat-tkabbir u l-inflazzjoni fl-akbar ekonomiji tad-dinja.

Il-FTSE100 kien qed jitlef 0.33% fil-bidu tan-negozju biż-żidiet limitati minn tisħiħ fl-Isterlina.

Komoditajiet

Il-prezzijiet globali taż-żejt komplew jitilgħu ‘il fuq, u żiedu madwar 0.7% matul il-lejl biex estendew iż-żieda ta’ matul il-ġimgħa għal aktar minn 5% – l-aħjar minn Mejju anki jekk l-investituri kienu nltaqtu ħażin mill-agħar tnaqqis fl-ewwel sitt xhur f’mill-anqas 20 sena.

Id-deheb illum żamm sod mgħejjun mid-dgħufija tad-dollaru u tnaqqis fil-prezz tal-istokks iżda kummenti minn banek ċentrali ewlenin li juru xeħta lejn politika monetarja ssikkata illimitaw iż-żieda fil-prezz tad-deheb.

Il-ġimgħa d-dieħla

Il-ġimgħa d-dieħla jkun hemm statistika ekonomika mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit. Fosthom hemm l-impjiegi fl-Istati Uniti eskluża l-biedja. Din iċ-ċifra tkejjel in-numru ta’ persuni impjegati matul ix-xahar ta’ qabel, eskluża l-biedja.  Il-ħolqien tax-xogħol huwa indikatur ewlieni għall-infiq mill-konsumatur, li huwa l-parti l-kbira tal-attività ekonomika Amerikana. Ċifra ogħla minn dik mistennija tkun pożittva għad-Dollaru, waqt li waħda aktar baxxa negattiva.

Share this Story[social_share/]