Barranin
L-ewro rnexxielu jżomm kontra d-dollaru wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar strateġija ġdida

L-investituri baqgħu jinvestu fid-dollaru hekk kif ħżien is-sentiment wara aktar infezzjonijiet mill-coronavirus, minħabba l-varjant Delta li jittieħed ħafna u tħassib dwar l-irkupru ekonomiku.

Min-naħa l-oħra, l-ewro rnexxielu jżomm kontra d-dollaru wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar strateġija ġdida dwar il-politika monetarja li ser tagħti lok li l-inflazzjoni togħla aktar mill-mira tal-Bank.

Fl-ewwel rapport strateġiku tiegħu mill-2003, il-Bank adotta mira ta’ inflazzjoni ta’ 2% fuq terminu medju, imqabbel mal-mira ta’ qabel ta’ taħt iżda qrib it-2%.

Jidher li l-Bank Ċentrali Ewropew, li kien tant imħasseb meta l-inflazzjoni kienet qed toqrob it-2%, kien qed jaħdem biex iniżżilha billi jaġixxi fuq ir-rati ta’ interessi. Issa l-Bank jidher li huwa lest li jippermetti li r-rata togħla aktar minn 2%, jiġifieri flok li 2% tkun l-ogħla livell li ma kellux jinqabeż, issa hija mira li r-rata tkun f’dik il-firxa. Il-Bank ikun mistenni li jitħasseb ugwalment meta r-rata ta’ inflazzjoni titbiegħed sewwa mill-mira ta’ 2%, tkun f’liema direzzjoni tkun.

Iż-żona ewro mistennija tespandi bir-rata ta’ 4.8% fl-2021 u 4.5% fl-2022, imqabbla mal-estmi ta’ 4.3% għal Mejju u 4.4% rispettivament, skont it-tbassir rivedut tal-Bank għat-tkabbir.

Sentiment ta’ riskju mnaqqas u s-saħħa medja tad-dollaru żamm iż-żidiet limitati għall-ewro versu d-dollaru.

Il-prezz tad-deheb qiegħed jogħla peress li hemm tħassib dwar l-irkupru ekonomiku globali li qed jonqos, minħabba il-firxiet ġodda tal-varjant Delta u ċifri dgħajfa dwar is-settur tas-servizzi fl-Istati Uniti u mill-istħarriġ taż-ZEW tal-Ġermanja.

Il-bidu mill-ġdid tat-tħassib dwar l-ekonomija globali wassal għal investiment qawwi f’assi meqjusa siguri bħal bonds tal-Gvern Amerikan, id-deheb eċċ, u dan irrifletta ħażin fuq id-dħul mis-swieq finanzjarji. Il-bejgħ qawwi ta’ bonds Amerikani kien ir-raġuni ewlenija li l-prezz tad-deheb ogħla ‘l fuq minn $1,800.

Iż-żieda fid-dollaru kienet ukoll limitata mid-dgħufija fid-dħul mill-bonds, li tbaxxa għal 2.5% għal bonds tal-10 sena mit-Teżor Amerikan. Sadattant, l-azzjoni ta’ riskju fl-ishma Ewropej tefgħet pressjoni moderata fuq id-dollaru waqt li saħħet il-prezz tad-deheb.