Barranin
L-għadd ta’ każi bil-varjant Delta fid-dinja jaffettwa ħażin lill-prezz taż-żejt

L-ewro tela għal $1.1879 fil-bidu tal-jum u daħal f’territorju negattiv fis-sessjoni tas-swieq Ewropej. L-ishma tbaxxew ukoll fl-Ewropa, riflessjoni tas-sentiment fqir aktarx relatat maż-żieda fil-każi tal-koronavirus. Il-varjant Delta qed iħarbat lill-parti ta fuq tad-dinja u jista’ jdewwem l-irkupru ekonomiku tant mistenni.  Sadattamt id-dħul mill-bonds tal-Gvern Amerikan b’dak tal-bonds ta’ 10 snin jinsab f’1.34%. Il-prezzijiet bil-quddiem tal-ishma fl-Istati Uniti kienu mistennija li jiftħu baxxi wara żidiet sostanzjhali nhar il-Ġimgħa.

Indiċi

Hekk kif l-ishma globali javvanzaw fil-prezz, hemm xewqa naturali li wieħed isib x’inhuwa l-fattur ewlieni li qed jikkawża dan. Spjega komuni hija l-ammont qawwi ta’ flus kontanti li qed jidħlu fis-suq kemm mill-banek ċentrali kif ukoll mill-investituri. L-indiċi tal-Istati  Uniti fetħu ftit baxxi hekk kif beda l-istaġun tat-tħabbir tar-riżultati finanzjarji mill-kumpaniji. Il-FTSE 100 ukoll kien aktar baxx b’differenza minn indiċijiet oħra fl-Ewropa. It-Topix tal-Ġappun għalaq b’żieda ta’ 2% wasra l-għeluq pożittiv fl-Istati Uniti tal-ġimgħa li għaddiet. L-indiċi  lokali mexa skont l-indiċijiet Ewropej u għalaq 0.35%.

Ishma

Il-prestazzjoni tal-ishma lokali llum kienet imxaqilba lejn territorju pożittiv. Simonds Farsons Cisk  żdiedu bi kważi 3%. Il-GO żdiedu 0.6% u l-Malta International Airport tilfu kważi 0.8%. Il-Lombard u l-Malta Properties Company ma kellhom ebda movement.

Bonds

Il-bonds lokali kienu aktar pożittivi llum. Il-Mercury Project Finance kellhom żieda ta’ 3.23%.  Is-Central Business għalqu 1% ogħla. Żidiet iżgħar kienu reġistrati fl-International Hotel Investments 2021, il-GO, il-Mediterranean Investments Holding u l-Premier Capital. L-International Hotel Investments 2026 tilfu ftit aktar minn 2%.

Il-prezz taż-żejt llum waqa’ sewwa hekk kif in-numru ta’ każi bil-varjant Delta kompla jiżdied. Il-Brent tilef aktar minn 1%. Minkejja dan, l-investituri għadhom ottimisti dwar il-prezzijiet taż-żejt.

Id-deheb baqa’ fuq id-difiża fil-bidu tas-sessjoni fl-Amerika ta Fuq u għalkemm ma kienx segwit b’aktar bejgħ żamm ‘il fuq minn $1,800. Id-dollaru Amerikan reġa kien fid-domanda fost aspettattivi li l-Federal Reserve riesaq lejn issikkar tal-politika monetarja aktar kmieni mill-kien maħsub.  Dan, min-naħa tiegħu, deher bħala fattur ewlieni li eżerċita xi pressjoni fuq il-prodotti denominati bid-dollaru, bħad-deheb.