Lokali
L-HSBC Malta bi qligħ qabel it-taxxa ta’ €17.5 miljun fl-ewwel nofs tas-sena

Il-bank HSBC Malta ħabbar qligħ qabel it-taxxa ta’ €17.5 miljun bejn Jannar u Ġunju li għadda. Din hija żieda ta’ €15.6 miljun meta mqabbla mal-ewwel nofs tas-sena li għaddiet.

Il-bank qal li dawn ir-riżultati finanzjarji sodisafċenti kienu xprunata minn prestazzjoni pożittiva rrappurtata mis-sussidjarja ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u telf mistenni mill-kreditu (ECL) ikar baxx fir-rigward tal-portafoll tas-self tal-bank.

Il-prestazzjoni tan-negozju madanakollu kompliet tiġi milquta ħażin minn rati t’imgħax baxxi u negattivi, inqas domanda għal self kummerċjali, użu ta’ karti ta’ kreditu u self personali li jirriżultaw mill-imġieba tal-klijent b’konsegwenza tal-pandemija Covid-19.

Il-bank irrapporta wkoll li l-HSBC Life Assurance (Malta) Ltd kellha profitt ta’ €4.2m meta mqabbla ma’ telf irrappurtat fl-istess perjodu tas-sena l-oħra ta’ €8.9m. Il-varjanza pożittiva hija attribwibbli għal titjib fir-rendiment u fis-swieq finanzjarji li affettwaw id-dħul.