L-inflazzjoni toħloq tħassib fl-Istati Uniti

Muniti

L-ewro ħa tisbita malajr kontra d-dollaru għal $1.18 hekk kif l-inflazzjoni fl-Istati Uniti laħqet il-5.4% f’Ġunju minn sena għal sena, ferm ogħla mill-4.9% mistennija.

L-inflazzjoni ewlenija ukoll telgħet għal 4.5% ogħla mill-4% mistennija. Id-dollaru qed jissaħħaħ b’mod ġenerali kontra l-muniti kollha.

L-isterlina tbaxxiet ukoll għal $1.38 b’telf ta’ madwar 80 cents. Kmieni l-isterlina bbenefikat mill-insistenza tar-Renju Unit li jiftaħ l-ekonomija l-ġimgħa d-dieħla.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde tat aktar dettalji dwar l-aħħar deċiżjoni li ma jkunx permess issikkar monetarju prematur.

Hija spjegat li l-inflazzjoni ta’ 2% mhijiex l-ogħla limitu u li l-membri tal-Bank Ċentrali Ewropew jistgħu jaċċettaw tidwir madwar dan il-livell.

Lagarde kompliet tgħid li l-Bank Ċentrali Ewropw irid jiddefinixxi mill-ġdid il-gwida ‘il quddiem biex tkun allinejata mal-aħħar studju strateiku.

Indiċi

Indiċijiet maġġuri fl-Istati Uniti bdew il-jum f’territorju negattiv hekk kif l-investituri studjaw ir-rapport dwar l-inflazzjoni ta’ Ġunju. It-telf madankollu kien negliġibbli.

F’termini perċentwali t-telf fl-Istati Uniti kien komparabbli maż-żieda fl-Ewropa fejn iż-żieda kienet ta’ inqas minn 0.1% b’mod ġenerali. L-indiċi lokali tilef 0.3%.

Ishma

Kien jum kwiet fin-negozju tal-ishma lokali fejn tliet ishma biss ġew negozjati.

Il-Malta Properties Company żdiedu 3.7% u l-Bank of Valletta tbaxxew bi 2.7%.

L-RS2 Software kienu negozjati bla moviment bil-prezz ta’ €1.79.

Bonds

Il-bonds lokali kellhom jum tajjeb bi-Bortex avvanzaw 2%, il-bonds ta’ Hili Finance Company 2029 u 2028 żdiedu 1.45% u 1.18% rispettivament waqt li dawk ta’ Browns ukoll kienu pożittivi b’żieda ta’ kważi 1%.

F’territorju negattiv kien hemm l-International Hotel Investments li tilfu 0.5% u l-GO li tbaxxew b’0.85%.

Prodotti essenzjali

Il-figuri tal-inflazzjoni fl-Istati Uniti llum komplew iqajmu spekulazzjoni li l-Federal Reserve riesaq lejn l-issikkar tal-politika monetarja aktar kmieni milli antiċipat.

Ta’ min ifakkar li l-minuti tal-laqgħa ta’ Ġunju tal-Federal Reserve li ħarġu l-Erbgħa li għadda wrew li uffiċjali tal-Bank qablu dwar il-ħtieġa li jkunu lesti jekk l-inflazzjoni jew riskji oħra jimmaterjalizzaw.

Dan ipprovda sostenn għad-dollaru u jista’ jillimita l-irkupru mgħaġġel tal-prodotti denominati fid-dollaru nkluż d-deheb.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.