Barranin
L-ishma Ewropej tbaxxew – żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus ħolqot dubji dwar irkupru ekonomiku malajr

Muniti

L-isterlina waqgħet kontra l-ewro wara li l-Bank of England kompla jkabbar l-istimolu għal xiri ta’ bonds b’150 biljun lira sterlina u ta sinjal ta’ aktar appoġġ aktar ‘il quddiem. Il-Gvernatur tal-Bank of England Andrew Bailey qal li l-bank ċentrali kien lest li jippompja aktar flus fl-ekonomija Brittanika jekk jiddgħajjef it-tbassir dwar l-inflazzjoni. Il-Bank of England żamm ir-rata tal-interess bla mittiefsa għal 0.1% llum.

L-espansjoni tal-programm għax-xiri tal-bonds kien inqas minn dak li xi wħud basru u għalhekk dan wassal biex l-isterlina inizjalment għoliet kontra l-ewro u d-dollaru għalkemm imbagħad reġgħet niżlet kontra l-ewro.

Id-dollaru tbaxxa hekk kif l-investituri dehru inċerti bejn ottimiżmu u kawtela rigward aspettattivi dwar vaċċin kontra l-COVID-19 li ma jidhirx li se jevita xitwa kiebja fl-Ewropa u l-Istati Uniti hekk kif qed tintensifika t-tieni mewġa tal-pandemija.

L-ewro żiedet madwar 0.5% kontra l-isterlina u d-dollaru Awstraljan u dak Kanadiż u żiedet ftit inqas kontra d-Dollaru Amerikan. L-ewro tilfet xi ftit kontra l-yen u l-frank Żvizzeru.

Indiċi

Id-Dow niżel hekk kif qed ikomplu jiżdiedu l-infezzjonijiet bil-coronavirus fl-Istati Uniti u l-investituri qed iwieżnu ż-żmien meta jista’ jasal vaċċin effettiv u dan filwaqt li stokks tat-teknoloġija baqgħu telgħin għat-tieni jum konsekuttiv.

L-ishma Ewropej tbaxxew wara livelli għolja f’dawn l-aħħar tmien xhur hekk kif żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus wasslet għal dubji dwar irkupru ekonomiku f’qasir żmien u dallmet bosta rapporti pożittivi. Il-Banek raw tnaqqis settorjali wara tlett ijiem pożittivi li kienu ilhom ma jseħħu sa mill-kriżi finanzjarja tal-2009. L-istokks tal-ivjaġġar ukoll niżlu b’0.7% wara li telgħu xi ftit aktar kmieni din il-ġimgħa bit-tama ta’ vaċċin effettiv kontra l-COVID-19.

Illum kien jum negattiv għall-indiċi madwar id-dinja minħabba li battiet l-ewforija dwar il-vaċċin. L-indiċi lokali tilfu 1%.

Ishma lokali

Illum kien hemm aktar telliefa milli rebbieħa kemm fl-għadd kif ukoll fil-qies tat-telf. L-ishma tal-IHI u BOV tilfu 2.68% u 1.08% rispettivament. HSBC tilfu 1.27%, Rs2 software tilfu 3.7%. Kien hemm telfiet akbar minn Midi u MIA, li t-tnejn tilfu aktar minn 5% filwaqt li Maltapost tilfu 11% tal-valur tagħhom illum.

Bonds

Il-movimenti kbar fil-bonds illum kienu bilanċjati b’Pendergardens u 1923 investments jiggwadanjaw kważi 2% filwaqt li Eden finance żiedu 1%. Fuq nota negattiva, il-bonds ta’ Hili, IHI 2021 u Me Direct tilfu madwar 1% filwaqt li l-Bonds IHI li jimmaturaw fl-2024 tilfu 1.57%

Prodotti essenzjali

Il-prezz taż-żejt niżel għall-ewwel illum wara tlett ijiem konsekuttivi ta’ gwadann hekk kif in-negozjaturi kienu aktar kawti fir-rigward ta’ disponibbiltà fil-qrib ta’ vaċċin kontra l-COVID-19 u l-International Energy Agency (IEA) urew id-dubji dwar irkupru ta’ malajr minħabba li l-infezzjonijiet qed ikomplu jiżdiedu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

Il-prezz taż-żejt beda tiela’ aktar tard waranofsinhar. Il-prezz taż-żejt kien tela’ b’aktar minn 10% din il-ġimgħa wara li kien hemm tama li l-pandemija setgħet tiġi kkontrollata wara li ngħatat aħbar li vaċċin sperimentali żviluppat minn Pfizer Inc u BioNTech kien 90% effettiv. Madankollu, l-IEA qalet li d-domanda globali għaż-żejt ma tantx kienet se tieħu spinta sinifikanti mit-tqassim tal-vaċċin jekk mhux aktar ‘il quddiem fl-2021.

Id-deheb tela’ b’żieda perċentwali ogħla minn dik taż-żejt. Il-prezz tal-fidda niżel xi ftit iżda t-telfiet ma kinux wisq sinifikanti.