Barranin
L-ishma fl-Ewropa żdiedu għall-aħjar livell fi 8 xhur wara l-aħbar dwar il-vaċċin kontra l-Covid-19

Muniti

L-Isterlina tbaxxiet bi ftit, anke jekk is-sentiment ta’ riskju globali kien mgħejjun minn dejta ekonomika Ċiniża tajba u mill-aħbar ta’ progress fil-vaċċin kontra l-COVID-19, hekk kif l-investituri ffukaw fuq it-taħditiet dwar Brexit li qed ikomplu fi Brussell.

Is-sentiment fis-swieq finanzjarji kien mgħejjun minn dejta dwar il-produzzjoni industrijali fiċ-Ċina li kienet aħjar milli mistennija u mill-aħbar li l-kumpanija farmaċewtika Moderna qalet li l-vaċċin sperimentali tagħha kontra l-coronavirus kien 94.5% effettiv fil-prevenzjoni tal-Covid-19. L-ewro tilef kontra d-dollaru tal-Kanada u tal-Awstralja u żdied bi ftit kontra l-Frank Żvizzeru u l-Yen.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa żdiedu għall-aħjar livell fi tmien xhur wara l-aħbar mill-kumpanija Moderna dwar il-vaċċin. L-indiċijiet ewlenin kienu bil-bosta ogħla bid-Dow Jones fetaħ b’żieda ta’ 1%. L-aħjar indiċi fil-lista tagħha kien il-Franċiż CAC 40 bi 2%. L-indiċi lokali kien kontra x-xejra bi tnaqqis ta’ 0.12%.

Ishma

Fis-settur tal-ishma lokali, l-HSBC Bank Malta u l-Bank of Valletta żdiedu bi 3% u 2% rispettivament. Il-Mapfre u Simonds Farsons Cisk tilfu aktar minn 1%. Il-Lombard Bank Malta u l-GO tilfu aktar minn 3%.

Il-bonds lokali kienu aktar pożittivi milli negattivi llum. Il-Mediterranean Investment Holdings u l-GAP żdiedu b’aktar minn 2%. Il-bonds ta’ Hili Finance 2029 u Tumas Investments 2027 żdiedu 1% kull wieħed. F’territorju negattiv kien hem mil-Hili Finance 2028 u l-Corinthia Finance 2026 u l-SP tilfu 1%.

L-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi Esportaturi taż-Żejt, l-OPEC, u l–alleati tagħha bdew laqgħat bil-għan li jistudjaw aktar azzjoni biex isostnu s-suq taż-żejt fl-2021, hekk kif it-tieni mewġa tal-coronavirus qed tagħmel pressjoni fuq id-domanda u l-prezz. L-OPEC u l-alleati mmexxija mir-Russja kienu mistennija li jżidu l-produzzjoni b’żewġ miljun barmil kuljum f’Jannar bħala parti mill-illaxkar bil-mod tat-tnaqqis fil-produzzjoni. Il-prezz taż-żejt illum żdied b’4% waqt li l-prezzijiet tad-deheb u tal-fidda tilfu ftit.