Barranin
L-ishma tat-Tesla tilfu 5% wara ħabta b’karozza bla sewwieq

Muniti

L-ewro kompla jiżdied għal $1.2079, l-ogħla f’xahar, u rtira ftit wara iżda żamm iż-żidiet sostanzjali fuq ġimgħa fiż-żona ta’ €1.2040. Is-sentiment ikrah tal-ishma Ażjatiċi u Ewropej, li tilfu wara ż-żidiet tal-bieraħ, waqqfu l-inżul tad-dollaru u wassluh biex jiżdied modestament. Madankollu, id-dollaru baqa’ l-aktar munita dgħajfa fil-kambju.

L-ewro waqqaf it-telf kontra l-isterlina tal-aħħar tlitt ijiem u għamel tentattiv sabiex jiżdied xi ftit waqt li jiddefendi r-rata medja fuq 21 jum ta’ 0.8604 sterlina.

L-isterlina qed tkun negozjata taħt id-$1.40, lil hinn mir-rati għolja tagħha hekk kif żdiedet il-munita Amerikana. Aktar qabel, ir-Renju Unit irrapporta tnaqqis fir-rata tal-qgħad għal 4.9%, aħjar milli kien mistenni.

Indiċi

Is-swieq tal-ishma ħadu pawsa meħtieġa milli jkomplu jogħlew għal-livelli rekord. L-ishma tal-kumpanija li taħdem il-karozzi Tesla tilfu 5% wara rapport ta’ ħabta b’karozza meta ma kien hemm ħadd isuqha. L-inċident ħalla tnejn mejta.

L-ishma kienu ġeneralment negattivi b’mod ġenerali bl-indiċi maġġuri, it-Topix tal-Ġappun, jitlef l-aktar. L-Ewropa wkoll kienet deċiżament aktar baxxa. L-indiċi lokali tilef 1.49%.

Ishma

L-unika aħbar pożittiva fl-ishma lokali kienu l-ishma ta’ BMIT Technologies b’żieda ta’ 1%. Xi ishma kienu negozjati mingħajr bidla fil-prezz. Madankollu l-attenzjoni kienet fuq dawk li tilfu fil-prezz fejn dak li tilfu l-anqas, il-Bank of Valletta, tbaxxew b’aktar minn 2%. Telf ta’ aktar minn 3% kien reġistrat fil-Lombard Bank u l-Malta Properties Company. L-ishma ta’ Simonds Farsons Cisk tilfu 8% waqt li dawk tal-Mapfre Middle Sea raw telf ta’ 10%.

Bonds

Il-bonds lokali kienu aktar bilanċjati mill-ishma, għalkemm in-naħa negattiva kienet aktar dominanti. Il-Medserv denominati fid-Dollaru Amerikan u fl-Ewro żdiedu b’aktar minn 1%. F’territorju negattiv kien hemm erba’ bonds li tilfu aktar minn 1%. Simonds Farsons Cisk tilfu bejn 1.4% u 1.84%. Il-Mediterrranean Investment Holdings tilfu 3.5% waqt li l-Bortex tilfu 3.84%.

Prodotti Essenzjali

Wara ż-żieda impressjonanti tal-ġimgħa li għaddiet, il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat bdew il-ġimgħa fuq sieq soda u l-West Texas Intermediate lbierah żdied 0.65%.

Bil-Libja tiddikjara forza maġġuri fuq l-esportazzjoni mill-port ta’ Ġariga u qalet li jistgħu jittieħdu miżuri addizzjonali fuq faċilitajiet oħrajn, il-Brent kompla jiżdied u laħaq l-aħjar livell f’xahar ta’ $68.08. Bħalissa il-Brent qed jikkonsolida l-prezz għal madwar $67.08. b’żieda ta’ 0.42% fuq bażi ta’ jum.

Il-prezz tad-deheb irkupra wara li lbieraħ għalaq f’territorju negattiv. Naqas id-dħul fuq il-bonds ta 10 snin tat-Teżor Amerikan. Aktar żidiet huma mistennija jekk id-deheb jaqbez il-limitu ta’ reżistenza ta’ $1.775.