BarraninLokali

L-isterlina b’waqgħa kbira qabel il-ħruġ tal-istatistika dwar l-inflazzjoni

Muniti Kontra l-Ewro

Waqgħa kbira fl-isterlina ftit qabel ma ħarġet l-istatistika dwar l-inflazzjoni qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju reġgħet qanqlet tħassib fost in-negozjanti finanzjari li l-istatistika ekonomika uffiċjali qed issir magħrufa minn xi persuni mdaħħla fis-swieq finanzjarji qabel l-ħin tal-ħruġ tagħha, minkejja retrizzjoni fuq l-aċċess uffiċjali tal-istatistika.

Id-dollaru Awstraljan tela’ għall-ogħla rata tiegħu kontra d-dollaru Amerikan, li qed jitlef fil-valur, mgħejjun minn prospetti ekonomiċi tajbin mill-bank ċentrali tal-pajjiż li wassal l-investituri biex inaqqsu t-tamiet dwar żieda fir-rati tal-interessi.

Indiċi

L-ishma Ewropej segwew ir-riżultati diżappuntanti mill-kumpaniji ewlenin Ericsson u Lutfhansa, waqt li tnaqqis fit-tamiet dwar issikkar monetarju mill-banek ċentrali ewlenin wasslu għal bejgħ fl-ishma finanzjarji.

Il-banek tilfu 0.5%, wara kummenti minn diretturi tal-Federal Reserve u tal-Bank Ċentrasli Ewropew li jagħtu wieħed x’jifhem li ser ikun hemm rata aktar bil-mod ta’ issikkar tal-politika monetarja fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku milli kienu qed jistennew l-investituri.

Ishma Lokali

L-RS2 Software llum kienu fuq quddiem b’żieda ta’ 0.6%. L-azzjonisti ta’ GO però kienu ferħana li jaraw l-ishma tagħhom jilħqu l-ogħla livell ta’ din is-sena. Fin-naħa negattiva, il-Malta Properties Company tilfu 4.35% segwiti minn PG plc li tilfu 1.52%.

Bonds

Kienet ġurnata xi ftit aktar negattiva għall-bonds fejn kien hemm aktar tnaqqis milli żidiet. Il-Medserv tilfu 2.64% waqt li l-International Hotel Investments tal-5.8% tilfu 2.57%. Kien hemm ukoll tnaqqis fl-International Hotel Investments 2025 u fil-GlobalCapital. It-Tumas Investments u l-PTL Holdings kienu f’territorju pożittiv kif kienu ukoll il-bonds tal-Bank of Valletta b’żidiet negliġibbli.

Indikaturi Ekonomiċi

Il-Kumitat dwar il-Politika Monetarja tal-Bank of England jidher li ser jgħaddi s-sajf kalm. Tnaqqis mhux mistenni fl-inflazzjoni matul Ġunju jista’ jagħti ftit tan-nifs lid-diretturi biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx iżidu jew le, ir-rati tal-interessi f’aktar minn 10 snin.

L-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur żdied bi 2.6% f’Ġunju mqabbel ma’ sena ilu. Għalkemm dan huwa ogħla sewwa mill-mira ta’ 2% tal-Bank of England, huwa inqas mit-2.9% żieda matul Mejju. Iż-żieda hija skont dak li kien qed jistenna l-Bank Ċentrali Ingliż ta żieda temporanja minħabba t-tnaqqis fil-valur tal-isterlina wara r-referendum tal-2016 dwar il-Brexit. Sadattant, inflazzjoni inqas tnaqqas il-pressjoni fuq il-gvern tar-Renju Unit biex itaffi l-limitu tiegħu għaż-żieda mill-impjegati tas-settur pubbliku, li ma jistgħux jogħlew b’aktar minn 1% kull sena.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet tad-deheb laħqu l-ogħla livell f’ġimagħtejn hekk kif ukoll id-dollaru waqa’ minħabba prospetti li qed jonqsu li ser ikun hemm żieda fir-rati tal-interessi u tamiet li għandu jkun hemm domanda aktar b’saħħitha mis-suq fiżiku.

Il-prezzijiet taż-żejt għolew minħabba li d-domanda naqqset xi ftit mill-provvista qawwija fis-suq mill-OPEC u l-Istati Uniti, iżda n-negozjanti qalu li s-suq ser jibqa’ f’firxa dejqa u mhu juri ebda sinjali li ser jkun hemm ċaqliq qawwi f’terminu qasir.

Banif daily tables 18.07.17

Share this Story[social_share/]