Barranin
L-isterlina taħt pressjoni wara li l-Bank of England ma bidilx ir-rata ewlenija ta’ 0.1%

Muniti

L-isterlina llum kienet taħt pressjoni wara li l-Bank of England iddeċieda li ma jbiddilx ir-rata ewlenija ta’ 0.1% waqt li taffa t-tħassib dwar l-inflazzjoni. Is-saħħa tad-dollaru qed tagħmel piż addizzjonali fuq l-isterlina.

Id-dollaru Amerikan kompla bl-avvanz tiegħu, u żdied kontra l-muniti ewlenin rivali. L-ewro kien qed jiġi nnegozjat taħt id-$1.1542, mhux wisq bogħod mill-inqas livell ta din is-sena ta’ $1.1523. Id-dollaru rkupra t-telf ta wara l-aħbar mill-Federal Reserve, li ma impressjonatx lill-parteċipanti tas-suq għax id-deċiżjoni kienet mistennija.

Madankollu, u wara li żamm mal-livelli kritiċi, id-dollaru kompla bl-avvanz tiegħu għax naqas id-dħul mill-bonds tal-gvern. Id-dħul fuq il-bonds ta’ 10 snin irtira minn madwar 1.160% għal 1.57%.

Id-data Ewropea kienet imħallta bl-ordnijiet mill-fabbriki Ġermaniżi matul Settembru żdiedu b’1.3% xahar fuq xahar, inqas mill-aspettattivi, waqt li ċ-ċifra annwali kienet 9.7%, inqas mill-11.7% preċedenti. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-produzzjoni baqgħu jiżdiedu fl-Unjoni Ewropea u l-indiċi tal-prezzijiet tal-produzzjoni żdied għal 2.7% xahar għal xahar u 16% fuq sena.

Il-Markit ippubblika ċ-ċifri dwar is-settur tas-servizz għal Ottubru fejn l-indiċi wera l-livell ta 52.4, għalkemm dak tal-Unjoni Ewropea ġie rivedut ‘l isfel għal 54.6.

Il-Bilanċ Kummerċjali fl-Istati Uniti għal Settembru wera defiċit ta’ $80.934 biljun, waqt li ċ-ċifra inizjali tal-qgħad għall-ġimgħa li għaddiet naqset għal 269,000 aħjar mit-tbassir.

Indiċi

L-indiċijiet illum kienu ġeneralment pożittivi, wara żieda fl-ottimiżmu mill-banek ċentrali li l-inflazzjoni hija temporanja u mhux mistennija żidiet fir-rati tal-interessi għalissa. L-Ewropa, ir-Renju Unit u l-Ġappun kienu l-aktar pożittivi. Fl-Istati Uniti l-indiċijiet fetħu mħallta, bid-Dow Jones xi ftit negattiv. L-indiċi lokali llum tilef 0.21%.

Shares

In-negozju fl-ishma lokali llum kien negattiv għal newtrali, bl-ebda sehem mhux pożittiv. Il-Bank of Valletta u l-GO ma kellhom ebda moviment. L-ishma tal-International Hotel Investments tilfu kważi 1%. Tigne Malta tilfu l-aktar, kważi 6%, u dak tal-VBL 3.3%.

Bonds

Il-bonds kienu aktar bilanċjati, għalkemm aktar lejn in-negattiv. Iż-żidiet tal-aktar bonds b’żieda kienu ta’ madwar nofs punt perċentwali waqt li t-telf kien bejn nofs punt u punt u nofs perċentwali.

Prodotti Essenzjali

Il-prezz tad-deheb kellu l-ewwel nofs tal-jum f’firxa relattivament żgħira madwar l-$1,770, iżda żdied matul is-sessjoni Amerikana. Mgħejun minn tnaqqis fid-dħul mill-bonds tat-teżor Amerikan, il-prezz tela’ għal $1,790.