Barranin
L-isterlina tbaxxiet bil-pajjiż imwaħħal f’iżolament minħabba l-varjant tal-Coronavirus

Muniti

L-ewro u l-isterlina llum kienu fuq id-difensiva kontra d-dollaru hekk kif il-varjant tal-coronavirus infirex madwar l-Ingilterra, għalaq bosta rotot kummerċjali ewlenin u ħoloq problema kbira dwar il-katina tal-provvista waqt li beda jagħfas iż-żmien għal ftehim ta’ wara Brexit.

L-Isterlina tbaxxiet hekk kif il-pajjiż baqa’ mwaħħal f’iżolament minħabba l-varjant tal-coronavirus, għalkemm it-tamiet ta’ progress fit-taħditiet dwar Brexit għenu biex inaqqsu xi ftit il-pressjoni fuq il-munita. L-ewro żdied l-aktar kontra d-Dollaru Awstraljan, għalkemm iż-żidiet li għamel kontra l-Isterlina kienu daqs dawk kontra l-munita Awstraljana.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa avvanzaw hekk kif l-approvazzjoni tal-pakkett ta’ stimulu Amerikan għen biex taffa tħassib dwar aktar ħsara lill-ekonomija globali mill-varjant il-ġdid tal-coronavirus. Il-Kungress Amerikan ilbieraħ approva stimulu fiskali ta’ $892 biljun wara granet ta’ negozjati mqanqla. Il-President Trump mistenni li jiffirma l-ftehim f’liġi, biex izżomm ħajjin it-tamiet ta’ rkupru ekonomiku. Sadattant id-Dow Jones fetaħ ftit aktar baxx. It-Topix tal-Ġappun ukoll tbaxxa llum b’1.5%. L-indiċi tal-Borża ta’ Malta wera żieda ta’ 0.91%

Ishma

L-ishma fil-Bank of Valletta żdiedu 1% waqt li dawk l-GO avvanzaw b’0.57%. In-negozju llum kien kwiet probabbilment bis-suq diġà daħal fis-sentiment ta’ btala. In-negozju sar biss f’erba’ ishma, bil-Malta International Airport u l-Malta Properties Company kienu ż-żewġ ishma l-oħra negozjati iżda ma kellhom ebda bidla fil-prezz.

Bonds

Il-bonds lokali kienu l-aktar f’territorju pożittiv bil-GAP żdiedu kważi 3%. Il-Bonds ta’ Tumas u l-Cablenet it-tnejn żdiedu 1%. F’territorju negattiv kien hemm l-bnonds tal-APS u tal-AX Group li tilfu 0.49% u 0.99% rispettivament.

Iż-żejt tbaxxa lejn il-$50 kull barmil, u kompla mat-telf tas-sessjkoni ta’ qabel għax il-varjant tal-coronavirus qajjem mill-ġdid tħassib dwar l-irkupru fid-domanda. Il-bidla fil-prezz kienet bejn 1.25% u 1.50% fil-Brent u fin-West Texas Intermediate. Id-deheb u l-fidda kienu negozjati f’direzzjonijiet opposti. Waqt li d-deheb kien ftit ogħla, il-fidda tilfet anke ż-żidiet tal-bieraħ.