Barranin
L-isterlina tbaxxiet kontra d-dollaru għall-inqas rata f’4 ġimgħat wara li r-Renju Unit ħabbar lockdown

Muniti

L-Isterlina tbaxxiet kontra d-dollaru għall-inqas rata fi kważi erba’ ġimgħat wara li r-Renju Unit ħabbar lockdown, iżda analisti qalu li tamiet dwar ftehim dwar il-Brexit evita aktar telf għall-Isterlina.

L-analisti qalu li l-impatt fuq l-Isterlina mil-aħbar tat-tieni lockdown fil-pajjiż kien ikun agħar kieku l-investituri ma kenux diġà mħejjija għal ftehim dwar Brexit. L-ewro tilef kontra l-muniti ewlenin speċjalment kontra d-Dollaru Awstraljan. Il-munita unika żdiedet xi ftit kontra l-Isterlina u l-Frank Żvizzeru.

Indiċi

L-indiċi ewlenin f’Wall Street kienu resqin lejn żieda llum wara l-akbar telf f’ġimgħa minn Marzu hekk kif l-investituri qed iħejju għal ġimgħa mimlija l-aktar dwar l-elezzjoni presidenzjali t’għada.

Il-parti l-kbira tas-swieq finanzjarji fl-Ewropa bdew Novembru bit-tajjeb għax żieda fl-attività industrijali li qed tiżdied fiż-żona ewro u fiċ-Ċina għelbet it-tħassib dwar qawmien mill-ġdid tal-każi tal-coronavirus li wasslu lill-ekonomiji maġġuri lejn lockdown. Qabel, dejta wriet li l-attività fis-settur industrijali taċ-Ċina żdiedet bl-ikbar pass fi kważi 10 snin fl-aħħar xahar. L-indiċijiet maġġuri kollha żdiedu u l-indiċi lokali mexa max-xejra tal-oħrajn.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, sar negozju f’seba’ ishma, b’wieħed jiżdied, tlieta bla bidla u tlieta f’territorju negattiv. L-RS2 Software żdiedu bi 3%. Il-GO, l-HSBC u l-International Hotel Investments ma kellhom ebda movement u l-Bank of Valletta u l-Malta Properties Companies tilfu bejn il-1% u t-2%. Global Capital tilfu aktar minn 7%.

Bonds

Fis-sessjoni tal-bonds lokali, in-negozju kien l-aktar f’territorju negattiv għalkemm kien hemm xi żidiet f’bonds. Kien hemm żieda ta’ 2% fis-Central Business Centres. F’territorju negattiv kien hemm mill-Mercury Projects u l-Phoenicia li t-tnejn tilfu ‘l fuq minn 1%. Qrib telf ta’ 2% kien hemm l-International Hotel Investments u l-Medserv. Il-bonds tal-Mercury u u l-SP Finance tilfu qrib it-3%.

Il-hedge funds il-ġimgħa li għaddiet biegħu ż-żejt għax iż-żieda fil-każi tal-coronavirus fl-Istati Uniti u fl-Ewropa qajjem beżgħat ta’ riċessjoni qawwija li tolqot id-domanda għall-konsum.

Hudge funds u kumpaniji fil-qasam finanzjarju biegħu l-ekwivalenti ta; 53 miljun barmil żejt fl-aktar sitt kuntratti importanti fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru. Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew li min-naħa l-oħra għenu ill-metalli prezzjużi kif jidher miż-żieda fil-prezzijiet tad-deheb u tal-fidda.