Barranin
L-Isterlina titbaxxa kontra d-dollaru u l-ewro

Muniti

L-Isterlina tbaxxiet kontra d-dollaru u l-ewro, wara li l-Bank of England qal li ngħata tagħrif kif tista’ tkun implimentata b’effett rata ta’ interessi negattiv jekk ikun hemm bżonn. Il-Bank of England waqqaf il-programmi ta’ stimulu, kif kien mistenni, u qal li l-ekonomija Ingliża marret aħjar milli kien mistenni. Waqt li emfasizza r-riskji relatati mal-kriżi tal-Covid-19, it-tneħħija ta’ skemi għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-Brexit, il-Bank of England qal li kien lest jieħu aktar azzjoni.

Wara li żamm irkupru qasir wara li l-Federal Reserve żamm ir-rati tal-interessi bla bidla, id-dollaru Amerikan tilef kważi ż-żidiet kollha hekk kif is-swieq ikkunsidraw l-istqarrija tal-politika monetarja tal-Federal Reserve.

F’laqgħa dwar il-politika monetarja, il-Federal Reserve wiegħed li jżomm ir-rati qrib iz-zero sa mill-anqas tmiem l-2023 meta is-suq tax-xogħol jilħaq l-akbar għadd ta’ impjiegi u l-inflazzjoni tkun riesqa biex tgħaddi b’mod moderat il-mira ta’ 2%.

Indiċi

L-Indiċijiet ewlenin ta’ Wall Street fetħu aktar baxxi llum wara data wriet livell għoli ta’ talbiet għall-benefiċju tal-qgħad, waqt li l-ishma relatati mat-tekonoloġija komplew jinżlu bl-Apple Inc u l-Amazon fost it-telliefa l-kbar fuq in-Nasdaq. Indiċijiet ewlenin fl-Istati Uniti u l-Ewropa tilfu madwar 1%.

L-ishma fl-Ewropa tbaxxew mill-ogħla livell wara tweġiba kajmana għall-wegħda tal-Federal Reserve li jżomm baxxi r-rati ta’ interessi għal żmien twil.

Kien ir-Renju Unit li tilef anqas f’termini perċentwali iżda t-telf għal investituri barranin esposti għall-indiċi għandu jkun akbar minn dak li jidher fl-indiċi għax l-isterlina tilfet konsiderevolment.

Shares

Fis-settur tal-ishma lokali, il-BMIT Technologies kienu l-uniċi li wrew żieda b’1.74%.  Kien hemm negozju f’ishma oħra mingħajr bidla fil-prezz. F’territorju negattiv kien hemm l-MIA b’0.42% waqt li t-telf f’Farsons u l-Mapfre kien akbar. Farsons tilfu 4% waqt li l -Mapfre Middlesea tilfu 5%.

Bonds

Ix-xejra fil-bonds lokali kienet simili b’aktar bonds jitilfu milli jiżdiedu. Il- Hili Properties 2025 żdiedu 0.74%.  Ebda bond ma żdied aktar minn  0.5%.  F’territorju negattiv , il-Hudson Malta 2026 u AX Investments 2024 tilfu 0.5%.  Il-Mediterranean Maritime Hub Finance u n-1923 Investments tilfu 1% kull wieħed. Tumas Investments u Global Capital tbaxxew b’madwar 2%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew għax il-produtturi Amerikani fil-Golf tal-Messiku qed iħejju biex jibdew mill-ġdid l-produzzjoni wara l-urugan Sally, u minħabba tħassib dwar l-irkupru bil-mod mill-impatt ekonomiku tal-coronavirus.

Hekk kif il-fidda kienet qed tiżdied bid-doppju tad-deheb, il-waqgħa fid-deheb illum kienet in-nofs dik tal-fidda, ħaġa li turi mhux biss korelazzjoni f’termini ta’ direzzjoni iżda tesponi s-sensittività tal-fidda meta tkun fin-niżla.