Barranin
L-Isterlina titlef kontra d-Dollaru

Muniti

L-Isterlina tilfet kontra d-dollaru, u kienet negozjata għal taħt id-$1.39 waqt li d-dollaru żdied flimkien mad-dħul mill-bonds u “l-kummerċ riflazzjonarju.” Il-bejgħ bl-imnut fl-Istati Uniti għeleb kul tbassir b’żieda ta’ 5.3% u dan saħħa d-dħul mill-bonds u lid-dollaru. Il-Federal Reserve mistenni li jkompli jillaxka l-politika monetarja minkejja biża’ ta’ inflazzjoni ogħla. L-aktar bank ċentrali b’saħħtu fid-dinja bidel il-politika monetarja tiegħu s-sena li għaddiet u issa qed jagħti prijorità lill-livell massimu ta’ impjiegi, anke a spejjeż ta inflazzjoni għolja. Il-Federal Reserve qabel aġixxa wisq malajr biex jipprova jbaxxi l-prezzijiet u b’hekk qered malajr l-irkupru ekonomiku.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin fl-Istati Uniti fetħu negattivament minkejja d-data tajba ferm. L-S&P 500 tilef 0.8%, id-Dow Jones 0.09% u n-Nasdaq 0.9%.

Kmieni fil-jum, l-istatistika ippublikata mill-Burù taċ-Ċensiment tal-Istati Uniti wriet li l-bejgħ bl-imnut matul Jannar żdied b’5.3% għal $568.2 Biljuni. Għalkemm iċ-ċifri kienu aħjar bil-bosta miċ-ċifra ta’ 1% mistennija mis-swieq, ma għenitx biex is-suq finanzjarju jitjieb. L-indiċijiet ewlenin kollha tbaxxew illum u l-aktar li intlaqat kien id-DAX tal-Ġermanja li wara nofsinhar kien qed jitbaxxa b’1%. L-indiċi lokali segwa lill-Boroż l-oħra bi tnaqqis ta’ nofs punt perċentwali.

Ishma

Fis-settur tal-ishma lokali, il-Lifestar kellhom l-akbar żieda ta’ aktar minn 9%. Il-Malta International Airport u l-PG żdiedu b’1.67% u 0.99% rispettivamenyt. L-RS2 Software kienu negozjati mingħajr movement. F’territorju negattiv kien hemm il-GO u l-Bank of Valletta li tilfu kważi 2% waqt li l-HSBC tilfu 4.21%.

Bonds

Fil-qasam tal-bonds, il-movimenti kienu aktar b’saħħithom fit-territorju pożittiv. Il-Von der Heyden Group u l-Medserv żdiedu bi 3.34% u 2.56% rispettivament. It-tliet l-oħra, il-Grand Harbour Marina,l- APS u l-Mediterranean Investments Holding żdiedu madwar il-1%. F’territorju negattiv kien hemm il-Pendergardens u l-AX Group bi tnaqqis ta’ bejn 1.43% u t-2%.

Prodotti Essenzjali

Iż-żejt mhux raffinat qabeż il-$61 kull barmil u intlaqa’minn reżistenza qawwija li wasslet biex il-prezz jitbaxxa minn dak tal-ftuħ. Is-saħħa fid-dollaru baxxiet il-prezz tad-deheb li qed jirreġistra livelli baxxi ġodda u tbaxxa lejn l-$1,775.