Barranin
L-isterlina żdiedet bit-tama li r-Renju Unit jikseb ftehim kummerċjali mal-UE sa Ottubru li ġej

Muniti

L-isterlina żdiedet minħabba tamiet li r-Renju Unit jista’ jikseb ftehim kummerċjali mal-Unjoni Ewropea sa Ottubru jew tal-anqas jilħaq ftehim fl-aħħar. Il-munita żdiedet 1% kontra d-dollaru Amerikan, pass kbir f’jum wieħed, madwar tliet darbiet aktar minn dik li hija meqjusa volatilità normali fost il-muniti ewlenin.

Ftehim finali jrid jintlaħaq sa tmiem Diċembru, iż-żewġ naħat iffissaw skadenza preliminari għax-xahar id-dieħel għax ikun jeħtieġ iż-żmien biex ikun iffirmat ftehim. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit illum bdew ġimgħa meqjusa deċiżiva fit-taħditiet.

Id-dollaru baqa’ qrib l-ogħla rata f’xahrejn kontra grupp ta’ muniti għax komplew id-dubbji dwar l-irkupru ekonomiku qabel ma toħroġ sensiela ta’ dejta ekonomika u minħabba l-iżviluppi politiċi fl-Istati Uniti. L-ewro kien aktar b’saħħtu kontra l-muniti ewlenin iżda tilef kontra l-Isterlina u d-Dollaru Awstraljan.

Indiċi

Is-swieq finanzjarji avvanzaw u d-dollaru tbaxxa mill-ogħla rata f’xahrejn hekk kif l-investituri marru għal ishma li dan l-aħħar tbaxxew fil-bejgħ qawwi tal-ġimgħa li għaddiet.

L-ishma Ewropej irkupraw parzjalment mit-telf qawwi tal-ġimgħa li għaddiet, mgħejjuna minn profitti industrijali miċ-Ċina u żieda fil-prezz tal-Commerzbank tal-Ġermanja wara li ħatar kap eżekuttiv ġdid. L-ishma tal-bank avvanzaw 4.3% wara li nnominaw uffiċjal għol fil-bank rivali Deutsche Bank, Manfred Knof, biex imexxi l-bank li kien f’inkwiet wara r-riżenja tal-Kap Eżekuttiv kmieni f’Lulju.

L-ishma ta’ HSBC Holdings żdiedu 10.1% wara li l-grupp ta’ assigurazzjoni Ċiniż, Ping An, l-akbar azzjonista fil-bank Ingliż, kabbar is-sehem tiegħu. L-ishma tal-banek żdiedu 3.6% u krupraw mit-telf rekord tal-ġimgħa li għaddiet. L-indiċi lokali tilef 0.09%.

Ishma

Fl-ishma lokali, Simonds Farsons Cisk żdiedu 0.7% waqt li l-Malta International Airport avvanzaw 0.42%. Xi ishma kienu negozjati bla bidla, tnejn minnhom kienu l-HSBC u l-Malta Properties. F’territorju negattiv kien hemm il-Bank of Valletta li tilfu 1.14% waqt li l-Global Capital
tilfu 3.64%.

Bonds

Fil-qasam tal-bonds kien hemm aktar bonds li żdiedu milli tilfu. Pożittivi kienu l-International Hotel Investments, l-SD Finance, il-Me Direct u l-Von der Heyden Group żdiedu bejn 1.5% u 2.24%. Il-bonds AX Group avvanzaw kważi 1%. F’territorju negattiv, il-Bank of Valletta tilfu
kważi 1% waqt li l-Pendergardens tilfu 1.71%.

Il-prezzijiet taż-żejt kienu stabbli llum iżda resqin lejn l-ewwel waqgħa f’xahar minn April hekk kif iż-żieda tal-każi tal-coronavirus kompliet tkabbar it-tħassib dwar id-domanda.

Id-deheb u l-fidda żdiedu; bil-fidda tiżdied 3 darbiet aktar miż-żieda fid-deheb.