L-OPEC mistenni jżid il-produzzjoni taż-żejt b’500,000 barmil kuljum

Muniti

L-ewro kien qed jiġi nnegozjat għal $1.1950 wara li rkupra mill-inqas rata tal-ġurnata ta’ $1.1911.

Kif ġara mill-bidu tal-ġimgħa, id-dollaru kellu domanda matul in-negozju fl-Asja iżda bidel ir-rotta mal-ftuħ ta’ Londra. Madankollu, il-firxa matul in-negozju kienet limitata.

L-ewro sab appoġġ addizzjonali minħabba data lokali tajba. L-istitut ta riċerka, Markit, ippublika l-estmi preliminari tal-istatistika għal Ġunju, li kienu aħjar milli mistenni.

L-indiċi tal-manifattura tjieb għal 64.9 fil-Ġermanja u għal 63.1 fl-Unjoni Ewropea, dejjem aħjar mit-tbassir.

Is-settur tas-servizzi kiber b’pass aktar milli mistenni b’dak Ġermaniż jiżdied għal 58.1 minn 52.8 ix-xahar ta’ qabel.

L-Istati Uniti ppublikat il-Kont Kurrenti għall-Ewwel Kwart tas-sena li rriżulta f’$195.7 Biljun, aħjar milli mistenni.

Il-Markit ser jippublika ċ-ċifri għall-Istati Uniti wara l-għeluq ta’ Wall Street aktar tard illum.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa imxew flimkien ‘l isfel b’telf medju ta’ madwar 0.33%.

L-Indiċijiet fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti kienu pożittivi, bl-aktar negattiv kien il-Ġappun li tilef aktar minn nofs punt perċentwali.

L-indiċi lokali tilef kważi 1% f’jum attiv ħafna għall-bonds iżda kwiet għall-ishma.

Ishma

Illum kien jum kwiet għan-negozju fl-ishma lokali. Ebda sehem makien posittiv.

L-HSBC temm il-jum bi tnaqqis ta’ 1.25% waqt li l-agħar li marru kienu l-ishma tal-International Hotel Investments bi tnaqqis ta’ 7.69%.

Bonds

Kuntrarju għall-ishma kien hemm negozju attiv ħafna fil-bonds lokali.

Il-Hili Finance avvanzaw aktar minn 2.5% waqt li l-Bortex Group Finance żdiedu 1%.

Kien hemm aktar bonds f’territorju negattiv bil-Medserv jitilfu 0.53% u l-Virtu Finance 2027 tbaxxew b’1.18%.

Prodotti essenzjali

Il-Wall Street Journal irrapporta li l-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi Esportaturi taż-Żejt (OPEC) u l-alleati tagħha qed jikkunsidraw li jżidu l-produzzjoni kollettiva tagħhom b’madwar 500,000 barmil kuljum meta jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.