Barranin
Statistika mis-satelliti wriet żieda qawwija fit-traffiku fiċ-Ċina, fl-Ewropa u fl-Istati Uniti b’hekk turi titjib fid-domanda għall-fjuwil

Id-dollaru żamm sod illum hekk kif il-kwatela dwar iż-żidiet rapidi fil-każi tal-coronavirus fl-Istati Uniti tefgħet dubju dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija u dan żamm mhux mittiefsa d-domanda għad-dollaru meqjus bħala munita sikura.

Kontra l-yen, id-dollaru kien qed jiġi nnegozjat għal 107.90 yen wara li żdied 0.5% matul il-lejl. Huwa żamm iż-żidiet ta’ 0.2% sa issa din il-ġimgħa.

L-ewro tbaxxa għal $1.1223 kontra d-dollaru, u tilef fir-ritmu ta’ żieda li nhar it-Tlieta laħaq l-ogħla rata ta’ $1.1348 għalkemm il-munita ser tkun għamlet żieda ta’ madwar 0.4% għal din il-ġimgħa. L-isterlina tbaxxiet għal $1.2422 kontra d-dollaru, lil hinn mill-ogħla rata ta’ $1.2541
milħuq nhar l-Erbgħa. Ta’ appoġġ ukoll għad-dollaru kien iż-żieda usa’ fid-domanda mill-kumpaniji lejn tmiem it-tliet xhur.

Id-Dollaru Awstraljan ġab $0.6888 kontra dak Amerikan warali kien weħel fil-firxa ta’ bejn 68 u 70 cent fl-aħħar ġimagħtejn.

Is-swieq Ewropej kienu mistennija jiftħu ogħla minkejja ż-żieda fil-każi tal-coronavirus fl-Istati Uniti u aktar twissijiet mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-iStoxx 600 żdied 1% fil-bidu tan-negozju bl-ishma tal-karozzi u l-ivvjaġġar iżidu 1.5% biex ikun fuq quddiem taż-żidiet mis-setturi kollha u l-boroż ewlenin daħlu f’territorju pożittiv.

L-irkupru fis-suq globali jista’ jiġi ttestjat minn żieda fl-infezzjonijiet fl-Istati Uniti b’Texas waqqaf il-ftuħ tal-ekonomija tiegħu wara jum ieħor ta’ għadd record f’każi ġodda u dħul fl-isptarijiet.

Il-prezzijiet taż-żejt żdiedu llum, u estendew iż-żieda minħabba ottimiżmu dwar irkupru fid-domanda għall-fjuwil madwar id-dinja, minkejja żieda fil-każi tal-coronavirus f’xi stati Amerikani u sinjali ta’ żieda fil-produzzjoni fl-Istati uniti.

Analisti qalu li statistika mis-satelliti li wriet żieda qawwija fit-traffiku fiċ-Ċina u fl-Ewropa u madwar l-Istasti Uniti turi titjib fid-domanda għall-fjuwil. Konġestjoni f’Shanghai fil-ġimgħat li għaddew kienet ogħla mill-istess perjodu tas-sena l-oħra, waqt li f’Moska t-traffiku reġa’ lura lejn il-livelli tas-sena li għaddiet.

Madankollu, hemm biża’ li żieda fl-istati tan-nofsinhar tal-Istati Uniti tista’ twaqqaf l-irkupru tad-domanda, għax stati bħal Florida u Texas huma fost l-akbar konsumaturi tal-fjuwil.

Stħarriġ fost l-uffiċjali eżekuttivi fir-reġjuni produtturi ewlenin tal-gas u ż-żejt mid-Dallas Federal Reserve Bank sab li aktar min-nofshom, li naqqsu l-produzzjoni, jistennew li jżidu sa tmiem Lulju.

Kien hemm ukoll żieda fil-prezz tad-deheb u dan riesaq lejn it-tielet ġimgħa ta’ żieda minħabba tħassib dwar iż-żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus madwar id-dinja, għalkemm d-dollaru sod u żieda fl-ishma naqqas id-domanda għalih.