X

Tkompli teskala l-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina

Muniti

Id-Dollaru waqqaf ħamest ijiem ta’ telf waqt li l-Ewro tbaxxa, bil-munita Amerikana sostnuta minn inċertezza politika, rawnd ġdid ta’ taħditiet dwar it-tariffi kummerċjali u l-aħħar laqgħa dwar il-politika monetarja tal-Federal Reserve li tat ħjiel ta’ żieda fir-rati tal-interessi f’Settembru.

Waqt li l-minuti tal-Federal Reserve kienu b’mod ġenerali kif mistennija u meqjusa bħala moderati mis-swieq, l-analisti qalu li dawk favur id-Dollaru kienu jistennew skuża biex jinvestu fid-Dollaru wara li kien tilef aktar minn 2% mill-ogħla rata f’14-il xahar.

L-Istati Uniti u ċ-Ċina kabbru l-gwerra kummerċjali ta’ bejniethom, u implimentaew tariffi ta’ 25% fuq $16-il biljun ta’ prodotti miż-żewġ pajjiżi, u dan ħarbat lill-investituri li fittxew sigurtà fil-munita Amerikana. Id-Dollaru sab sostenn ukoll mill-minuti tal-Federal Reserve li wrew li l-uffiċjali ddiskutew żieda fil-qrib fir-rati tal-interessi.

L-Ewro tilef 0.22% kontra d-Dollaru għal $1.1570. Sadattant il-munita unika żiedet 0.12% kontra l-Isterlina; 0.79% kontra d-Dollaru Awstraljan; 0.31% kontra d-Dollaru Kanadiż u 0.09% kontra l-Yen. Iżda l-Ewro tilef 0.14% kontra l-Frank Żvizzeru.

Indiċi

Kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-ishma Ewropej wara li daħlet l-aħħar sensiela ta’ tariffi mill-Istati Uniti u miċ-Ċina. Dawn laqtu lill-ishma tal-karozzi iżda saħħew id-domanda għas-setturi meqjusa bħala aktar mħarsa mit-tilwima kummerċjali.

Il-FTSE 100 żdied b’0.03%; l-iSTOXX 50 b’0.08% u l-CAC 40 b’0.11%. Id-DAX tilef 0.03%.

Id-Dow Jones tilef 0.26% waqt li l-Indiċi lokali wera żieda ta’ 0.195%.

Ishma

Fil-Borża ta’ Malta kien hemm żieda ta’ 2.35% fil-Malita Investments; 1.98% fil-Plaza Centres; 1.18% fil-GO u1.00% fil-Bank of Valletta. Trident Estates ma kellhom ebda bidla.

Sadattant il-MaltaPost u l-Malta International Airport tbaxxew b’aktar minn 0.60% bl-MIA jitilfu b’0.88%.
Bonds.

Fil-qasam tal-bonds, kien hemm żieda ta’ 1.12% fil-Ħal Mann Vella Group 2024; 0.77% fl-iStivala Group Finance 2027, 0.46% fil-Bortex Group Finance 2027 u 0.20% fil-Von der Heyden Group Finance 2024.

Sadattant kien hemm tnaqqis ta’ 0.02% fil-Hili Properties 2025; 0.10% fl-International Hotel Investments 2026 u 0.29% fil-GAP Group 2023.

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew hekk kif kibret il-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina u dan ħalla effett aktar mill-aħbar li kien hemm tnaqqis fl-istokkijiet taż-żejt Amerikani.

Il-Brent tilef 0.57% għal $74.44 u l-U.S. Light crude tilef 0.19% għal $67.73

Id-deheb tilef 0.44% għal $1,190.66 waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 1.43% għal $14.59.

rg :